Service Type: Servizzi pprovduti mill-Ambaxxati

Ċittadinanza Maltija

L-Aġenzija Komunità Malta hija responsabbli għall-amministrazzjoni tal-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija. L-Aġenzija tipproċessa applikazzjonijiet għall-akkwist ta’ ċittadinanza Maltija bit-twelid, b’reġistrazzjoni, b’naturalizzazzjoni permezz ta’ residenza fit-tul, skont il-mertu għal servizzi eċċezzjonali u għal servizzi eċċezzjonali b’investiment dirett f’Malta. Aktar dettalji dwar l-akkwist taċ-ċittadinanza Maltija jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal- Aġenzija Komunità Malta.

Consul-on-the-Move (COTM)

L-ambaxxati Maltin barra mill-pajjiż, permezz ta’ investiment ta’ madwar €250,000 mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, investew f’apparat ġdid tal-programm Consul-On-The-Move (COTM).

Il-programm COTM jaħseb għall-komunitajiet Maltin li jgħixu barra minn Malta billi jipprovdi servizzi governattivi eqreb ta’ djarhom bħal applikazzjonijiet ġodda u tiġdid ta’ passaporti, applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija u reġistrazzjonijiet ta’ ċertifikati ta’ twelid, mewt, u żwieġ. Dan il-programm se jkun disponibbli f’ħames pajjiżi: l-Awstralja, New Zealand, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Kanada.

L-apparat il-ġdid tal-COTM jikkonsisti f’tablet li tinkludi kamera, fingerprint reader, scanner tal-passaporti, signature pad, scanner tal-barcode u dawl. B’hekk it-tablet tinkorpora l-apparat li kienu jintużaw qabel separatament f’apparat wieħed li jiżen biss 4 kilogrammi, b’kuntrast mal-apparat ta’ qabel li kien jiżen 15-il kilogramma. Dan ifisser li l-apparat il-ġdid jokkupa ħafna inqas spazju u jista’ faċilment jinġarr fl-idejn. Dan kollu jgħin waqt l-ivjaġġar tal-uffiċjali f’żoni differenti tal-pajjiż ikkonċernat.

Fid-dawl li matul dawn l-aħħar snin id-domanda għal dawn is-servizzi żdiedet, u kien hemm ukoll upgrade fis-sistema ta’ verifika disponibbli għall-uffiċjali, il-Ministeru ħass il-ħtieġa li jinvesti f’apparat ġdid tal-COTM biex dan ikun wieħed aktar prattiku kif ukoll li jassigura aktar effiċjenza fl-għoti tas-servizzi. L-apparat il-ġdid huwa mgħammar ukoll bl-aħħar verżjoni tas-software u jiġi b’servizz ta’ Wi-Fi u b’faċilità t’installazzjoni ta’ sim card għall-użu ta’ 3G. Dan joffri l-funzjonalità ta’ appoġġ kif ukoll il-kapaċità li jinħarġu passaporti meta l-uffiċjali jkunu barra mill-uffiċċju.

Il-programm COTM huwa servizz essenzjali offrut mill-Ministeru f’konformità mal-viżjoni tal-gvern li jkollu servizzi governattivi eqreb taċ-ċittadini tiegħu. Permezz ta’ dan l-apparat il-ġdid, il-Ministeru qed ikompli jtejjeb il-kwalità tas-servizzi li jingħataw, filwaqt li jżid l-effiċjenza u jnaqqas il-burokrazija fit-tħaddim tiegħu.

Consul on the Move żjarat ippjanati

Legalizzazzjoni ta’ Dokumenti

L-Uffiċċju għas-Servizzi Konsulari (CSO) li jaqa’ taħt il-kompetenza tad-Direttorat għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ (MFET) huwa responsabbli għal-legalizzazzjoni tad-dokumenti. Il-legalizzazzjoni tad-dokumenti hija l-proċess tal-awtentikazzjoni tad-dokumenti pubbliċi li jeħtieġu verifika għall-użu f’pajjiż ieħor. Dokumenti pubbliċi uffiċjali li jeħtieġu legalizzazzjoni dejjem irid ikun fihom firma oriġinali ta’ persuna bbażata f’Malta u reġistrata mal-MFET. Id-dokumenti jiġu legalizzati ladarba l-firma u t-timbru jkunu ġew imqabbla mal-firma oriġinali disponibbli fid-database tal-Ministeru. Id-dokumenti jridu jiġu ffirmati minn persuni professjonali (nutara, avukati, accountants/awdituri), Kapijiet tal-Iskejjel, uffiċjali tal-Gvern, diplomatiċi u/jew tradutturi sabiex jiġu legalizzati. Aktar informazzjoni dwar is-servizz tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku tal-ConsularPlus.

Skemi ta’ Residenza

Il-Programmi ta’ Residenza Maltija jagħtu l-opportunita’ lill-individwi u l-familji tagħhom biex jirrilokaw f’Malta jew biex ikollhom status ta’ residenza f’Malta għal diversi raġunijiet.

L-Aġenzija Residenza Malta hija responsabbli għall-ġestjoni tal-Programm ta’ Residenza Permanenti ta’ Malta, il-Programm ta’ Residenza Nomada u l-Programm ta’ Residenza tal-Malta Start-Up. Aktar dettalji dwar dawn il-programmi jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Residenza Malta.

Il-liġi Maltija tipprovdi wkoll numru ta’ programmi oħra ta’ residenza f’Malta miftuħa għal ċittadini tal-UE u mhux tal-UE li huma ġestiti mill-Kummissarju tat-Taxxi (CFR). Dawn jinkludu l-Programm ta’ Residenza Maltija, l-Programm ta’ Residenza Maltija Globali, il-Programm tal-Irtirar Kmieni f’Malta, il-Programm tal-Pensjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-High Net Worth Individual Rules. Aktar informazzjoni tista’ tinstab minn fuq sit elettroniku tas-CFR (https://cfr.gov.mt/en/inlandrevenue/itu/Pages/The-Residence-Programme.aspx).

Barra minn hekk, hemm il-permessi ta’ residenza normali li huma amministrati minn Aġenzija Identity Malta.