L-ambaxxati Maltin barra mill-pajjiż, permezz ta’ investiment ta’ madwar €250,000 mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, investew f’apparat ġdid tal-programm Consul-On-The-Move (COTM).

Il-programm COTM jaħseb għall-komunitajiet Maltin li jgħixu barra minn Malta billi jipprovdi servizzi governattivi eqreb ta’ djarhom bħal applikazzjonijiet ġodda u tiġdid ta’ passaporti, applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija u reġistrazzjonijiet ta’ ċertifikati ta’ twelid, mewt, u żwieġ. Dan il-programm se jkun disponibbli f’ħames pajjiżi: l-Awstralja, New Zealand, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Kanada.

L-apparat il-ġdid tal-COTM jikkonsisti f’tablet li tinkludi kamera, fingerprint reader, scanner tal-passaporti, signature pad, scanner tal-barcode u dawl. B’hekk it-tablet tinkorpora l-apparat li kienu jintużaw qabel separatament f’apparat wieħed li jiżen biss 4 kilogrammi, b’kuntrast mal-apparat ta’ qabel li kien jiżen 15-il kilogramma. Dan ifisser li l-apparat il-ġdid jokkupa ħafna inqas spazju u jista’ faċilment jinġarr fl-idejn. Dan kollu jgħin waqt l-ivjaġġar tal-uffiċjali f’żoni differenti tal-pajjiż ikkonċernat.

Fid-dawl li matul dawn l-aħħar snin id-domanda għal dawn is-servizzi żdiedet, u kien hemm ukoll upgrade fis-sistema ta’ verifika disponibbli għall-uffiċjali, il-Ministeru ħass il-ħtieġa li jinvesti f’apparat ġdid tal-COTM biex dan ikun wieħed aktar prattiku kif ukoll li jassigura aktar effiċjenza fl-għoti tas-servizzi. L-apparat il-ġdid huwa mgħammar ukoll bl-aħħar verżjoni tas-software u jiġi b’servizz ta’ Wi-Fi u b’faċilità t’installazzjoni ta’ sim card għall-użu ta’ 3G. Dan joffri l-funzjonalità ta’ appoġġ kif ukoll il-kapaċità li jinħarġu passaporti meta l-uffiċjali jkunu barra mill-uffiċċju.

Il-programm COTM huwa servizz essenzjali offrut mill-Ministeru f’konformità mal-viżjoni tal-gvern li jkollu servizzi governattivi eqreb taċ-ċittadini tiegħu. Permezz ta’ dan l-apparat il-ġdid, il-Ministeru qed ikompli jtejjeb il-kwalità tas-servizzi li jingħataw, filwaqt li jżid l-effiċjenza u jnaqqas il-burokrazija fit-tħaddim tiegħu.

Consul on the Move żjarat ippjanati

FacebookTwitter