Service Type: Servizzi pprovduti mill-Ambaxxati

Amministrazzjoni ta’ Ġuramenti/Affidavits (għal ċittadini Maltin biss)

L-amministrazzjoni ta’ ġuramenti/affidavits tista’ tingħata b’ġurament quddiem Kummissarju tal-ġuramenti li jinkludi nutara, avukati u prokuraturi legali. Maltin residenti barra minn Malta jistgħu jieħdu ġurament jew jagħmlu affidavit quddiem Konslu Malti f’Ambaxxata jew Konsulat Ġenerali Malti. Lista ta’ Ambaxxati u Konsolati Ġenerali Maltin tista’ tiġi aċċessata minn fuq il-ConsularPlus webapp.

Assistenza lil ċittadini Maltin f’diffikultà waqt li jkunu barra

Jekk ċittadini Maltin ikunu jeħtieġu assistenza ta’ emerġenza waqt li jkunu barra minn Malta, għandhom jikkuntattjaw l-eqreb Ambaxxata jew Konsulat ta’ Malta; jew il-Ministeru fuq 00356 21 242 191 li jipprovdi assistenza konsulari ta’ emerġenza 24/7. Il-Ministeru jopera servizz wara l-ħinijiet tal-uffiċċju permezz ta’ Duty Officer li jieħu nota tat-talbiet u jekk possibbli, jassisti immedjatament. Meta għajnuna immedjata ma tkunx possibbli, it-talbiet jiġu riferuti għal azzjoni lill-Uffiċċju tas-Servizz Konsulari.

Ċertifikati tar-Reġistru Pubbliku (Avvenimenti tal-Ħajja)

Ir-Reġistru Pubbliku li jagħmel parti mill-Aġenzija Identity Malta, huwa responsabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikati tat-twelid, taż-żwieġ, tal-unjoni ċivili, tal-istat liberu u tal-mewt. Iċ-ċertifikati jistgħu jiġu ordnati personalment mill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku fil-Marsa jew onlajn minn fuq is-sit www.certifikati.gov.mt/mt/Home u jitwasslu f’indirizz tal-għażla. Meta jiġi ordnat onlajn, ċertifikat jista’ jiġi ordnat ukoll b’ċertifikat ta’ Apostille/Legalizzazzjoni. Aktar informazzjoni dwar is-servizzi offruti tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku tar-Reġistru Pubbliku.

Passaporti Maltin

L-Uffiċċju tal-Passaporti li jagħmel parti mill-Aġenzija Identity Malta joħroġ passaport Malti lil ċittadini Maltin u jassisti Ambaxxati Maltin u Kummissjonijiet Għolja Maltin barra minn Malta biex joħorġu jew iġeddu passaporti Maltin għal ċittadini Maltin residenti barra minn Malta. Il-validità ta’ passaport ordinarju Malti hija ta’ għaxar snin għal adulti ta’ ’l fuq minn 16-il sena, ħames snin għal minuri ta’ bejn l-10 snin u 15-il sena u sentejn għal minuri ta’ taħt l-10 snin. Aktar dettalji dwar il-passaport Malti jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-Uffiċċju tal-Passaporti.