Type: Dipartimenti u Direttorati

Information Management Unit

Ir-rwol ewlieni tal-Uffiċċju tal-Immaniġjar tad-Data fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ hija li tiżgura lit-teknoloġija tal-informazzjoni hija konformi mal-prijoritajiet strateġiċi tal-Ministeru.  F’dan ir-rigward, dan l-Uffiċċju jipprovdi appoġġ u parir lis-Segretarju Permanenti rigward kwistojonijiet li għandhom bzonn l-attenzjoni tal-ICT.  Dan l-Uffiċċju huwa mmexxija mill-Uffiċjal Ewlieni tal-Informatika, is-Sur Clinton Farrugia.

L-oġġettivi ewlenin tal-Uffiċċju tal-Immaniġjar tad-Data huma li:

  • Jipprepara l-pjanijiet strateġiċi u operattivi tal-ICT għall-Ministeru f’konformità mal-istrateġija nazzjonali tal-Gvern rigward ICT;
  • Jipprovdi appoġġ u pariri lis-Segretarju Permanenti rigward kwistjonijiet relatati mal-ICT;
  • Jipprovdi parir tekniku dwar l-akkwist u/jew il-kiri ta’ tagħmir relatat mal-ICT;
  • Jikkoordina d-disinn u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ Informazzjoni;
  • Jipprepara il-baġit u l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi tal-ICT.

Dan l-Uffiċċju japplika policies, standars u protokoli li huma mmirati biex jiżguraw lis-sistemi tal-IT huma kompatibbli.

Viżjoni: L-abilitazzjoni tal-Politika Barranija Nazzjonali permezz tal-użu effettiv tat-Teknoloġija tal-Informatika

Missjoni: Aħna kburin bl-abbiltà u l-approċċ konsistenti tagħna li nappoġġaw strateġikament lill-klijenti tagħna filwaqt li nnaqqsu proċessi burokratiċi eċċessivi permezz tal-implimentazzjoni effettiva tat-teknoloġija.

Valuri: It-Taqsima tal-Immaniġġjar tal-Informazzjoni hija rregolata mill-valuri tas-Servizz Pubbliku jiġifieri l-Ekwità, it-Trasparenza u s-Simplifikazzjoni.

European Union Co-ordination Department

Id-Dipartiment ta Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EU Coordination Department – EUCD) fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej huwa responsabbli mill-koordinazzjoni interna ġenerali tal-Gvern fuq setturi u dwar kwistjonijiet relatati mal- UE bil-għan li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva ta’ Malta fl-istrutturi tal-UE u fit-tfassil tal-politika fi żmien xieraq, b’approċċ konsistenti u koerenti. Id-Dipartiment huwa wkoll responsabbli għall-koordinazzjoni tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Il-Kompetenzi Ġenerali

L-EUCD huwa parti mill-istruttura amministrattiva tal-Gvern u jservi bħala dipartiment ta’ koordinazzjoni għall-politika mal-UE. Id-Dipartiment ifittex li jiżgura li l-partijiet interessati kollha, jiġifieri kemm il-Ministeri ewlenin, kif ukoll l-entitajiet u l-agenziji tal-Gvern, ikunu infurmati u kkonsultati sabiex jittieħdu deċiżjonijiet fil-ħin. Dan jippermetti lir-rappreżentanti tal-Gvern jipparteċipaw b’mod effettiv fil-laqgħat kollha fuq livell Ewropew. Għalkemm id-Dipartiment m’huwiex direttament responsabbli għall-introduzzjoni ta’ liġijiet ġodda, huwa nkarigat bil-koordinazzjoni għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-acquis tal-UE.

L-EUCD huwa responsabli li jikkordina il-pożizzjoni tal-Gvern għal diversi diskussjonijiet li jsiru fi ħdan l-istutuzzjonijiet Ewropej, kif ukoll ma’ Stati Membri oħra. Huwa responsabbli wkoll li jassigura li l-Instruction/Briefing Notes jaslu fil-ħin għand ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fl-UE, kif ukoll għand dawk l-uffiċċjali jew rappreżentanti tal-Gvern li jipparteċipaw fil- kumitati, Working Parties u laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri u dawk tal-Kunsill Ewropew.

Id-Dipartiment huwa responsabbli li jmexxi l-ħidma fit-tħejjija għall-Kumitat Inter-Ministerjali għall-Affarijiet ta’ l-UE, li jinkludi l-koordinazzjoni tat-tfassil ta’ dokumenti interni u dokumenti li jikonsolidaw il-pożizzjoniijiet meħtieġa għal teħid ta’ deċiżjoni ġusta u skont il-ħtieġa. Id-Dipartiment jiffaċilita l-mod ta’ kif tasal fil-ħin il-firxa wiesgħa ta’ informazzjoni bejn ir-Rappreżentanza Permanenti u l-Ministeri rispettivi u joffri linja gwida fir-rigward ta’ oqsma differenti ta’ politika. Id-Dipartiment għandu wkoll funzjoni ta’ “trouble shooting” f`dak li huwa arbitraġġ fuq kwistjonijiet bejn il-Ministeri.

Id-Dipartiment huwa wkoll responsabbli biex isegwi l-implimentazzjoni tal-acquis adottat f’konformità mal-iskadenzi miftehma, kemm f’termini ta’ adozzjoni, kif ukoll f’ implimentazzjoni legali.

Barra minn hekk, id-Dipartiment huwa responsabbli mill-koordinament taż-żjarat esterni (bħal minn istituzzjonijiet tal-UE u korpi konsultattivi) u l-preparazzjoni tal-materjal ta’ informazzjoni meħtieġa għall-laqgħat rispettivi.

Sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu, bħalissa d-Dipartiment ta’ Koordinazzjoni ta’ l-UE huwa maqsum f`ħames taqsimiet. Dawn huma COREPER I, COREPER II, it-taqsima Legali, dik tal-Parlament Ewropew u Inter-Ministerjali, u dik responsabbli mill-Amministrazzjoni.

Viżjoni: Sħubija bi skop: Li nagħmlu Malta suċċess bis-sħubija fl-UE.

Missjoni: Li niżguraw il-parteċipazzjoni effettiva ta’ Malta fl-istrutturi ta’ l-UE, fit-tfassil tal-politika, filwaqt li nikkordinaw it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE bla xkiel.

Valuri: Nimmiraw li nżommu l-ogħla standards ta’ integrita’ fl-azzjonijiet kollha tagħna, fil-waqt li nivvalutaw il-ħaddiema tagħna, ninkoraġġixxu l-iżvilupp u nippremjaw il-prestazzjoni tagħhom.