Type: Dipartimenti u Direttorati

Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Politiċi u Affarijiet Ewropej

Id-Direttorat Ġenerali jiżgura li jiġu milħuqa l-għanijiet tal-politika barranija ta’ Malta dwar kwistjonijiet bilaterali u reġjonali. Dan iseħħ ukoll permezz ta’ parteċipazzjoni attiva fil-Politika Esterna u ta’ Sigurtà Komuni (CFSP) tal-Unjoni Ewropea kif ukoll f’fora oħra. Ix-xogħol tad-DĠ jinkludi l-preparazzjoni tal-pożizzjonijiet u l-interventi fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (FAC) u fi istrutturi oħra tal-Kunsill, inklużi laqgħat ta’ Gruppi ta’ Ħidma varji. Id-DĠ huwa maqsum f’żewġ Direttorati: Direttorat għall-Affarijiet Ewropej u-d- Direttorat għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji.

 

Direttorat għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji

Ir-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ pajjiżi li m’humiex membri tal-Unioni Ewropeja u l-pożizzjoni Maltija fir-rigward ta’ politika internazzjonali huma ko-ordinati mid-Direttorat għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji. Dawn il-pożizzjonijiet huma espressi wkoll, fejn xieraq, fuq livell Ewropew fi ħdan l-istrutturi tal-Politika Komuni għall-Affarijiet Barranin u Sigurta’.

Fil-kuntest reġjonali, parteċipazzjoni attiva fil-proċess Ewro-Mediterranju, li issa sar l-Unjoni għall-Mediterran li tħaddan fiha l-pajjiżi tal-Meditterran kollha, u mfassla biex isservi bħala mutur għall-implimentazzjoni ta ‘ proġetti prattiċi, tibqa’ prijorita ewlenija. L-involviment ta’ Malta f’fora reġjonali u inizjattivi b’relevanza diretta għar-reġjun Mediterranju, bħal Politika Ewropeja mal-pajjiżi ġirien, id-Djalogu tal-pajjiżi fil-Punent tal-Mediterran (5+5), u l-Union for the Mediterranean huma wkoll ko-ordinati mid-Direttorat.

Konsistenti mal-Miri Strateġiċi tal-Ministeru fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali, partikolarment mal-pajjiżi ġirien, id-Direttorat jaħdem sabiex jiġu indukrati r-relazzjonijiet barranin ta’ Malta fuq livell bilaterali filwaqt li tingħata attenzjoni għall-kwistjonijiet ta’ interess dirett. Id-Direttorat jiffoka primarjament fuq ir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-pajjiżi ġirien, u oħrajn lil’hinn bħall-iStati Uniti, r-Russja u ċ-Ċina, li ma’ dawn il-pajjiżi Malta minn dejjem kellha relazzjonijiet tajbin ħafna. Id-Direttorat huwa wkoll responsabbli għar-relazzjonijiet politiċi ta’ Malta mal-pajjiżi Afrikani u mal-Unjoni Afrikana, kif ukoll sabiex isegwi l-iżviluppi fil-Lvant Nofsani.

 

Direttorat għall-Affarijiet Ewropej

Id-Direttorat għall-Affarijiet Ewropej imexxi r-relazzjonijiet bilaterali ġenerali ta’ Malta mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Huwa wkoll responsabbli għar-rabtiet ta’ Malta mal-Albanija, Andorra, Bosnja u Ħerzegovina, lil-Maċedonja ta’ Fuq, l-Iżlanda, il-Kosovo, il-Liechtenstein, Monako, il-Montenegro, in-Norveġja, San Marino, is-Serbja, l-Iżvizzera u t-Turkija kif ukoll mas-Santa Sede u l-Ordni Militari Sovran ta-Kavallieri ta’ San Gwann ta’ Ġerusalemm, Rodi u Malta.

L-għan ewlieni ta’ dan id-Direttorat huwa li joħloq, iżomm u jtejjeb ir-rabtiet sodi u ta’ benefiċċju reċiproku ma’ dawn il-pajjiżi kollha. L-irwol tiegħu hu li jifformula u jikkoordina l-politika nazzjonali fir-rigward tagħhom sabiex l-interessi ta’ Malta jiġu protetti waqt li r-relazzjonijiet tagħha mal-ġirien Ewropej jinżammu fl-aħjar livell possibbli. Id-Direttorat jamministra wkoll żjarat uffiċjali ta’ livell għoli lejn u minn pajjiżi Ewropej msieħba, filwaqt li jikkoordina u jgħin fl-organizzazzjoni tagħhom kif meħtieġ.

Xogħol ewlieni tad-Direttorat għall-Affarijiet Ewropej huma inizjattivi bilaterali Ewropej tal-Ministeru, fejn jiġu promossi skambji reċiproċi vantaġġużi fil-livelli kollha u jgħin sabiex jiġu fis-seħħ ftehiem li jirregolaw kwistjonijiet ta’ importanza għall-poplu ta’ Malta u dawk ta’ interlokuturi Ewropej tagħha.

Ir-relazzjonijiet mal-istati tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll il-perspettiva tal-UE tagħhom għal dawk il-pajjizi li għadhom ma fetħux in-negozjati, jaqgħu wkoll fi ħdan il-kompetenza ta’ dan id-Direttorat.

Direttorat Ġenerali Għall-Affarijiet Globali, l-Iżvilupp Internazzjonali u Affarijiet Ekonomiċi

Affarijiet Globali

(UN and international organisations, Commonwealth, human rights, disarmament, terrorism, environment, migration, maritime, sanctions and export control, candidatures, contributions, international institutions in Malta)

Id-Direttorat tal-Affarijiet Globali huwa responsabbli biex jissorvelja kwistjonijiet relatati ma organizzazzjonijiet internazzjonali varji, fosthom mal-Ġnus Magħquda u il-Commonwealth, kif ukoll temi varji bħad d-drittijiet tal-bniedem, id-diżarm, it-terroriżmu, l-ambjent, il-migrazzjoni u l-asil, l-affarijiet marittimi, is-sanzjonijiet u l-kontroll tal-esportazzjoni, l-kandidaturi u il-kontribuzzjonijiet. Fuq bażi annwali, id-Direttorat jikkoordina u jipprepara tagħrif (l-briefs) għall-laqgħat tad-delegazzjoni Maltija matul il-ġimgħa Ministerjali fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, kif ukoll jikkoordina l-preżentazzjoni perjodika tar-rapporti ta’ Malta lill-korpi varji tal-Ġnus Magħquda bħall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-korpi sussidjarji varji tagħha, ir-Reviżjoni Perjodika Universali, il-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. Fi ħdan l-ambitu tal-migrazzjoni u l-asil id-Direttorat jikkomunika mal-Ministeru għall-Affarijiet Interni u Sigurtà Nazzjonali u r-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-UE fejn jkopru laqgħat tekniċi kif ukoll diskussjonijiet kemm fi Brussell kif ukoll fi bliet oħra. L-Uffiċjal (Migration Desk) fi ħdan id-direttorat li tkopri l-Migrazzjoni tissorvelja d-dimensjoni esterna tal-politika tal-migrazzjoni u tikkomunika ma’ numru ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll entitajiet lokali fit-tfassil tal-politika nazzjonali u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

 

Taqsima tal-Iżvilupp u għall-Affarijiet Kummerċjali

(Development and Humanitarian Assistance, Commercial Promotion, Cultural Promotion, OSCE, Council of Europe, Economic Affairs, European Parliament, MFA Focal Point for EU Presidency)

It-Taqsima tal-Iżvilupp hija responsabbli għall-Iżvilupp u Għajnuna Umanitarja, u tiżgura li Malta tkun rappreżentata b’mod xieraq fid-diskussjonijiet rilevanti tal-UE u tan-NU, skont ir-regoli tal-OECD-DAC. L-Istrument għall-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) jinvolvi laqgħat li jinżammu fi Brussell bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Id-DCI huwa l-istrument finanzjarju ewlieni tal-UE għall-koperazzjoni għall-iżvilupp fil-perjodu 2014-20. L-għan primarju ta’ koperazzjoni taħt id-DCI hu l-qerda tal-faqar. Mill-banda l-oħra tal-Partnership Instrument (PI) jaqdi l-funzjoni li tiffinanzja attivitajiet fi kwalunkwe pajjiż mhux tal-UE, b’enfasi fuq pajjiżi ta’ interess strateġiku għall-UE.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp huwa l-istrument ewlieni għal appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP). Il-Ftehim Ewropej ta’ Sħubija huma nnegozjati bejn l-UE u r-reġjuni tal-AKP li minn naħa tagħhom huma nvoluti fi proċess reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika. Il-Miri tal-Millenju għall-Iżvilupp jaħsbu biex ikun eliminat il-faqar u l-ġuħ mill-pajjiżi sotto-żviluppati. L-għan ġenerali tal-Politika Ġdida tal-Iżvilupp post-2015 hu li jsir sforz akbar u ffukat sabiex il-faqar jinqered kompletament. Is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp 2015 għandha l-għan li tqajjem kuxjenza akbar fost iċ-ċittadini tal-UE fuq dan is-suġġett.

L-OSCE hija l-akbar organizzazzjoni tas-sigurtà reġjonali fid-dinja li tikkonsisti f’57 stat membru. L-OSCE toffri forum għal taħditiet politiċi, kif ukoll tgħin fin-negozjati biex jissolvew il-konflitti. L-OSCE għandha wkoll numru ta’ missjonijiet f’diversi pajjiżi li l-għan tagħhom hu li joffru assistenza waqt u wara kriżi li tkun laqtet pajjiżi partikolari.

Il-Kunsill tal-Ewropa, huwa msejjes fuq il-ħarsien tal-valuri fundamentali, bħad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u jikkumplimenta lill-Unjoni Ewropea fix-xogħol tagħha. Il-Kunsill tal-Ewropa jikkonsisti f’47 membru stat, li 28 minnhom huma membri tal-Unjoni Ewropea. Kull stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa iffirma il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-Dritt.

It-Taqsima għall-Affarijiet Kummerċjali hija l-focal point tal-Ministeru fuq il-Joint Stakeholders Working Council (JSWC), li jservi biex jiġu kkordinati l-attivitajiet ta’ promozzjoni li jsiru barra l-pajjiż kif ukoll biex ikunu identifikati miri strateġiċi li jwasslu biex ikunu sfruttati opportunitajiet ġodda fi swieq emerġenti kif ukoll f’dawk il-pajjiżi fejn il-Ministeru jista’ jilgħab rwol ewlieni fil-promozzjoni t’investiment barrani lejn Malta. It-taqsima tassisti wkoll l-Ambaxxati tagħna fit-talbiet kummerċjali li jirċievu kif ukoll fl-organizzazzjoni t’avvenimenti relatati mall-kummerċ u tipprovdi għajnuna lil dawk id-delegazzjonijiet li jżuru Malta. It-taqsima ssegwi wkoll l-iżviluppi fix-xena internazzjonali ekonomika bl-assistenza ta’ Ministeri oħrajn, kif ukoll tal-Ambaxxati u r-Rappreżentazzjonijiet Permanenti tagħna barra l-pajjiż.

 

Cultural Diplomacy Unit

It-Taqsima għad-Diplomazija Kulturali twaqqfet fl-2013 bil-għan li timplimenta l-politika tal-Ministeru dwar id-Diplomazija Kulturali. L-għan ewlieni tat-taqsima hu li tippromwovi l-kultura u l-identità Maltija permezz tal-ħolqien ta’ xibka ta’ kuntatti li jiffukaw fuq l-importanza ta’ Malta bħala pajjiż fiċ-ċentru tal-Mediterran u membru tal-Unjoni Ewropea. L-intenzjoni ta’ din it-Taqsima hi li tibni infrastruttura b’saħħitha li tagħmilha possibbli għall-Ambaxxati Maltin li jagħmlu lil Malta aktar viżibbli permezz tal-kultura, kif ukoll billi jibni portafoll kulturali ta’ livell għoli li jkun jista’ jiġi esportat fl-aħjar interess ta’ pajjiżna. Ir-rwol tat-taqsima huwa wkoll li jkun hemm skambji u tixrid ta’ għarfien kulturali flimkien ma’ sħab lokali u barranin biex jintlaħqu l-oġġettivi tal-mandat tagħha bl-aħjar mod possibbli.

Fergħa oħra tat-Taqsima għad-Diplomazija Kulturali hija l-Fond għad-Diplomazija Kulturali li tnieda fl-2012. Il-Fond huwa mmexxi mit-Taqsima u bord appuntat apposta li jikkonsisti minn rappreżentanti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej. L-għan tal-Fond hu li jinċentiva l-Ambaxxati Maltin biex jorganizzaw u jipparteċipaw f’inizjattivi kulturali li jirriflettu l-idjoma kulturali Maltija, kif ukoll id-dimensjoni inter-kulturali mwaħħda ma’ dawn l-inizjattivi. Bħalissa hemm żewġ sejħiet annwali għal proposti li jiġu esklussivament mill-Ambaxxati Maltin.

Direttorat għall-Protokol

Id-Direttorat għall-Protokol huwa l-ewwel punt ta’ referenza fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ. Ir-relazzjonijiet pubbliċi għandhom rwol prominenti f’dan id-Direttorat. Dawn ivarjaw minn Uffiċjali tal-Protokol li jilqgħu Ambaxxaturi jew Kummissarji Għolja akkreditati ġodda u jarawhom jitilqu meta’ jispiċċaw it-terminu tagħhom, sa jwieġbu mistoqsijiet mill-pubbliku inġenerali.

 

Żjarat Statali u Uffiċjali

L-organizzazzjoni taż-żjarat statali jiġu l-ewwel u qabel kollox f’dan id-direttorat. Id-direttorat, flimkien mal-Uffiċċju tal-President kif ukoll ma’ l-Ufficcju tal-Prim Ministru, jikkoordina l-loġistika ta’ żjarat Statali u anki dawk Uffiċjali.

Min-naħa l-oħra, d-direttorat għandu rwol importanti fl-organizzazzjoni ta’ żjarat uffiċjali. Fosthom, jagħti pariri dwar il-proċeduri korretti taċ-ċerimonji, jassisti lil delegazzjonijiet li jkunu ġejjin Malta jew se jitilqu minn Malta fl-ajruport, jibbukkja transport għal dawn id-delegazzjonijiet, jippubblika programmi kulturali u uffiċjali, kif ukoll, jikkoordina miżuri ta’ sigurta’ b’kollaborazzjoni qawwija mal- Pulizija ta’ Malta.

 

Kredenzjali

Id-direttorat tal-Protokol huwa fdat bil-ħatra ta’ Ambaxxaturi jew Kummissarji Għolja ġodda u li jkunu akkreditati għal Malta. Din il-proċedura tinkludi l-‘agrément’ ta’ Ambaxxaturi jew Kummissarji Għolja proposti mill-Istat, saċ-ċerimonja formali tal-Preżentazzjoni tal-Kredenzjali organizzata mill-Uffiċċju tal-President. Bl-istess mod, id-direttorat jitlob għal-‘agrément’ ta’ Ambaxxaturi jew Kummissarji Għolja Maltin għal barra minn Malta u jassistihom biċ-Ċerimonja tal-Preżentazzjoni tal-Kredenzjali tal-Istat li fih ikunu residenti.

Id-direttorat jassisti lill-Ambaxxaturi u Kummissarji Għolja akkreditati ġodda, kif ukoll lill-membri tal-Korp Diplomatiku, billi jassigura li l-privileġġi u l-immunitajiet kollha mogħtija lilhom mill-Konvenzjoni ta’ Vienna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi (1961) qed jiġu amministrati b’mod korrett. Dawn is-servizzi jinkludu; l-proviżjoni ta’ ‘registration plates’ diplomatiċi għal-karozzi f’ħidma mall-ADT, l-endorsement ta’ alkoħol, tabakk u effetti personali bla dazju, rimborż ta’ VAT, kif ukoll, il-prenotazzjoni tal- ‘Ministerial Lounges’ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Id-direttorat huwa responsabbli wkoll mill-akkreditazzjoni ta’ Konsli Onorarji li jkunu jirrappreżentaw lil Malta f’pajjiżi barranin kif ukoll, Konsli Onorarji Barranin li jkunu jirrappreżentaw lil pajjiżhom f’Malta.

 

Permessi Diplomatici għall-bastimenti, ajruplani, żjajjar Militari kif ukoll l-użu ta’ Uniformi Militari

Rwol ieħor ta’ dan id-direttorat huwa l-ipproċessar ta’ talbiet mingħand il-missjonijiet; kemm dawk residenti u anki dawk li mhumiex; li jkunu qegħdin ifittxu permessi diplomatiċi għall-użu awtorizzat tat-territorju navali Malti kif ukoll l-ispazju tal-ajru Malti minn bastimenti u ajruplani rispettivament.

Dawn il-permessi diplomatiċi jinvolvu l-kooperazzjoni u l-ħidma tad-Direttorat, flimkien mad-Direttorat għall-Affarijiet tad-Difiża, d-Dipartiment tal-Avjazzjoni Civili, l-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll l-Awtorita’ Marittima Maltija.

Direttorat għas-Servizzi Konsolari u Maltin Jgħixu Barra

Għajnuna konsulari ġenerali

Id-Direttorat għas-Servizzi Konsulari jista’ jitqies bħala l-vetrina tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Affarijiet Ewropej u ​l-Kummerċ (MFET), peress li huwa ‘ntiż li jagħti servizzi diretti lill-pubbliku. Bl-għajnuna ma taqta’ xejn tal-uffiċjali diplomatiċi Maltin barra minn Malta, id-Direttorat jipprovdi firxa wiesgħa ta’ għajnuniet lil individwi Maltin. Dawn ivarjaw minn għajnuna għal assistenza medika, għajnuna lil vittmi ta’ kriminalita’ u telf jew serq ta’ dokumenti tas-safar, fost l-oħrajn.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn, id-Direttorat iservi bħala punt ta’ kuntatt bejn l-individwu li jinsab barra u l-qraba tiegħu f’Malta, billi jiffaċilità tranżazzjonijiet finanzjarji fejn meħtieġ, u f’pajjiżi fejn Malta għandha rappreżentanza diplomatika, jiżgura li fejn hu possibbli uffiċjali diplomatiċi Maltin iżuru w jgħinu lill-persuna f’diffikulta’. Id-Direttorat jgħin ukoll fit-tfittxija għal ċittadini Maltin li jkunu rrappurtati nieqsa barra minn Malta, jew jagħti tagħrif lill-qraba li jsaqsu għal din l-informazzjoni. Kull talba għal informazzjoni tiġi trattata b’mod kunfidenzjali.

 

Arrest jew detenzjoni barra minn Malta

Kull meta ċittadin Malti jkun arrestat jew tingħatalu sentenza minn qorti barranija, l-MFET ikun il-punt ta’ komunikazzjoni bejn l-individwu taħt arrest u l-qraba tiegħu f’Malta. Barra minnhekk, id-Direttorat jagħmel dak kollu possibbli fil-kompetenza tiegħu biex jiżgura li ċ-ċittadin miżmum jew ikkundanat b’sentenza ta’ ħabs mill-qorti jkollu aċċess għal rappreżentanza legali xierqa f’lingwa li jista’ jifhem.

 

Emerġenza jew sitwazzjoni ta’ kriżi

Kull meta pajjiż jew reġjun ikun affetwat minn emerġenza jew sitwazzjoni ta’ kriżi, bħal diżastru naturali jew attakk terroristiku, id-Direttorat iservi bħala punt ta’ kuntatt bejn ċittadini Maltin li setgħu inqabdu fil-kriżi u l-qraba tagħhom f’Malta. F’każijiet bħal dawn, il-Ministeru jattiva ċ-Ċentru ta’ Kriżi, mgħammar b’linji telefoniċi ta’ emerġenza biex jindirizza d-domanda tal-pubbliku. Id-Direttorat iżomm komunikazzjoni regolari, permezz tal-Ambaxxati, Kummissjonijiet Għolja u Konsulati, mal-awtoritajiet lokali fejn tkun seħħet il-kriżi u mal-iStati membri tal-UE biex jiżgura li jkun aġġornat bl-aħħar żviluppi uffiċjali dwar il-kriżi partikolari.

 

Applikazzjonijiet għall-Viża u Pariri dwar is-Safar

Id-Direttorat jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar rekwiżiti għal viża u proċeduri għall-applikazzjoni għal viża lil ċittadini Maltin. Jingħata wkoll parir dwar safar f’pajjiżi partikolari fejn ikun hemm sitwazzjonijiet politiċi instabbli jew problemi oħra li jistgħu ikunu ta’ xkiel għal persuna li tkun beħsiebha ssiefer fihom. Dawn il-pariri jiġu aġġornati regolarment u wieħed jista’ jsibhom fuq is-sit eletroniku tal-Ministeru.

 

Legalizzazzjonijiet

Id-Direttorat għandu taqsima ddedikata għal-legalizzazzjoni ta’ firem fuq dokumenti pubbliċi fil-forma ta’ Apostilles jew Legalizzazzjonijiet. Apostilles u legalizzazzjonijiet huma awtorizzazzjonijiet ċertifikati ta’ dokumenti pubbliċi jew kummerċjali li huma rikonoxxuti uffiċjalment kemm mill-pajjiż fejn jinħarġu kif ukoll mill-pajjiż fejn se jintużaw.

 

Boroż ta’ Studju

Il-Gvern Malti u l-gverninjiet ta’ pajjiżi barranin joffru numru ta’ boroż ta’ studju għal ċittadini Maltin li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom barra minn Malta. Wara li ssir notifika uffiċjali dwar il-borża ta’ studju offruta, id-Direttorat joħroġ ċirkulari uffiċjali, iqassam u jirċievi applikazzjonijiet mill-partijiet interessati, u jikkoordina l-intervisti, fejn hu applikabbli. It-taqsima responsabbli mill-boroż ta’ studju fid-Direttorat toffri wkoll gwida prattika għall-kandidati magħżula.

 

Ittri Rogatorji

Kull proċess legali li jinvolvi ġurisdizzjonijiet Maltin u barranin jeħtieġ l-assistenza tad-Direttorat għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, li permezz tal-Ambaxxati u Konsulati barra minn Malta, iservi bħala punt ewlieni ta’ kuntatt mal-awtoritajiet legali tal-pajjiż ikkonċernat.

 

Consul-on-the-Move

L-għan ewlieni tal-programm Consul-on-the Move (COTM) huwa li joffri numru ta’ servizzi konsulari li normalment jingħataw fl-Ambaxxati, Kummissjonijiet Għolja u Konsulati Ġenerali Maltin lil hinn minn xtutna. Din l-inizjattiva bdiet fl-2016 wara li fl-2008 kien imniedi l-passaport bijometriku, fejn l-applikant issa jrid imur personalment fl-Ambaxxata biex japplika għal passaport u titteħidlu l-informazzjoni bijometrika. Minbarra applikazzjonijiet tal-passaporti, is-servizzi mogħtija permezz tal-Programm COTM jinkludu applikazzjonijiet għal ċertifikati ta’ avvenimenti ewlenin tal-ħajja u għaċ-ċittadinanza Maltija. Il-Programm jikkonforma mal-politika tal-gvern li jqarreb is-servizzi tiegħu lejn iċ-ċittadin. Bħalissa s-servizz huwa offrut f’ħames pajjiżi ewlenin fejn hemm jgħixu l-akbar numru ta’ Maltin, jiġifieri: il-Kanada, l-iStati Uniti, ir-Renju Unit, l-Awstralja u New Zealand.
Id-Direttorat għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta jikkoordina ż-żjarat annwali flimkien mal-Kummissjonijiet Għolja u l-Ambaxxati fil-pajjiżi fejn jingħata dan is-servizz, kif ukoll jagħti pariri dwar ħwejjeġ oħra relatati mal-programm biex ikun żgurat li s-servizz mobbli offrut liċ-ċittadini Maltin li jgħixu barra jkun ta’ l-ogħla livell possibbli.

 

Il-Kommunitajiet ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta

Id-Direttorat għandu taqsima ddedikata speċifikament għall-Komunitajiet ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta. Din it-taqsima għandha l-għan ewlieni li tħares l-interessi taċ-ċittadini Maltin li jgħixu ‘il barra minn xtutna.

Fost il-ħidma li ssir fi ħdan din it-taqsima hemm:

  • Il-ġbir ta’ informazzjoni u pariri dwar policies relatati mad-dijaspora;
  • Jinżamm kuntatt mas-sieħba soċjali kollha li b’xi mod il-ħidma tagħhom taffetwa lill-Maltin li jgħixu barra minn Malta;
  • Jiġu analizzati b’mod regolari diversi leġislazzjonijiet lokali u Ewropej li jistgħu jaffettwaw il-ħajja tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta;
  • Konsultazzjoni, għajnuna u pariri lill-Gvern Malti fuq materji li jolqtu lid-Dijaspora Maltija;
  • Jinżamm kuntatt regolari u mill-qrib ma’ Missjonijiet Diplomatiċi Maltin;
  • Jinżamm kuntatt regolari mas-Segretarju tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta; liema Kunsill huwa stabbilit bl-ATT XX tal-2011(CAP. 515);
  • Tara li jkun hemm kontinwazzjoni u implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta;
  • Tassisti lis-Segetarju tal-Kunsill fit-tfassil u l-loġistika tal-laqgħat annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu barra minn Malta li jsiru f’Malta, kif ukoll ta’ laqgħat oħra li jistgħu isiru minn żmien għal żmien b’mod awdjo-viżiv;
  • Tassisti fil-ħidma biex issir il-Konvenzjoni tal-Maltin li jgħixu Barra minn  Malta;
  • Iżżomm reġistru ta’ Għaqdiet mhux governattivi u Assoċjazzjonijiet tal-Maltin li Jgħixu Barra;
  • Iżomm registru tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta u li għamlu suċċess fis-settur tagħhom.
  • Tħaddem u tippromwovi s-servizz ta’ reġistrazzjoni volontarja għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta magħrufa bħala ‘Notifika D’.

Is-sit elettroniku tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta: https://malteselivingabroad.gov.mt/mt/

 

Quality Award