Messaġġ ta’ xewqat għall-Milied u għas-Sena l-Ġdida mill-Prim Ministru Robert Abela għall-Maltin li jgħixu barra

Diċembru 2023

Prime Minister Robert Abela

Hekk kif qed ningħaqdu flimken għal dan iż-żmien sabiħ tas-sena, Lydia, Giorgia-Mae u jien nixtiequ nawguraw l-isbaħ xewqat lill-Maltin li jinsabu barra minn xtutna. F’din l-okkażjoni, ningħaqdu flimkien fl-ispirtu tal-Milied, u minkejja l-fruntieri li hemm bejnietna ningħaqdu xorta waħda bħala poplu wieħed. Pajjiż li jestendi ferm lil hinn minn xtutu, fl-identità ta’ dawk kollha li jħossu rabta ma’ Malta.

Hekk kif inħarsu lura lejn is-sena li għaddiet, infakkru r-reżiljenza u s-saħħa li jiddefinuna bħala poplu. Din is-sena kienet sena ta’ sfidi għad-dinja kollha iżda pajjiżna baqa’ b’saħħtu u kompla jimxi ’l quddiem. Komplejna nwieżnu u nsostnu l-familji u fuq kollox inġibu bidliet favur Malta ġusta. Kienet sena ta’ kunflitti iżda pajjiżna kien vuċi b’saħħitha u kredibbli favur il-paċi u d-djalogu. Pajjiżna stabbilixxa ruħu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u laqa’ f’pajjiżu ankè taħdidiet ta’ paċi fl-Ukrajna u laqgħa ta’ djalogu bejn potenzi kbar fid-dinja, l-Istati Uniti u ċ-Ċina. Fl-istess waqt, pajjiżna ġie elett biex jippresjedi l-ikbar organizzazzjoni tas-sigurtà fid-dinja, l-OSCE.

L-identità unika Maltija tnissel sens ta’ kburija li tmur lil hinn mill-fruntieri ġeografiċi. Ghalhekk aktar minn qatt qabel inħossni kburi meta nara lid-dijaspora Maltija żżomm it-tradizzjonijiet tagħna u tgħaddi l-wirt kulturali tagħna lill-ġenerazzjoni li jmiss. Il-Milied huwa żmien speċjali biex ngħożżu dawn ir-rabtiet. Din il-festa għandha sinifikat b’saħħtu għal pajjiżna, festa li għandha tradizzjonjiet li huma parti integrali tas-soċjetà Maltija. Il-ħin flimkien mal-familja biex niċċelebraw u nuru apprezzament lejn il-valuri tal-għaqda, l-imħabba, ir-rispett u l-gratitudni huma parti essenzjali tat-tradizzjoni tal-Milied.

Dawn il-valuri huma mħaddna mill-komunitajiet Maltin huma fejn huma. Nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi lejn il-komunitajiet Maltin mifruxa madwar id-dinja. Id-dedikazzjoni tagħkom sabiex tippreservaw it-tradizzjonijiet, il-lingwa Maltija u l-valuri Maltin hija tassew ta’ min ifaħħarha. Sewwa jekk tkunu qed tiċċelebraw fl-Awstralja, fil-Kanada, fl-Istati Uniti, fir-Renju Unit, jew f’kull rokna oħra tad-dinja, l-impenn tagħkom biex iżżommu l-valuri Maltin ħajjin huwa dak li jagħmel id-dijaspora tagħna daqshekk vibranti u msaħħa. Huwa grazzi għad-dedikazzjoni tagħkom, permezz tan-numru kbir ta’ assoċjazzjonjiet, għaqdiet, kif ukoll il-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra, li d-dijaspora Maltija tkompli tiffjorixxi.

Dan huwa żmien ta’ għaqda, biex naqsmu l-imħabba u l-ferh, u biex noffru l-għajnuna għal dawk fil-bżonn. Ejjew niftakru fl-ispirtu veru tal-Milied u nżommu dan l-ispirtu magħna matul is-sena li ġejja. Matul dan l-istaġun tal-festi, inħeġġiġkom sabiex tingħaqdu mal-Maltin li jgħixu fil-komunitajiet tagħkom. Id-dijaspora tagħna m’hijiex biss kollezzjoni ta’ individwi, hija komunità magħquda li turi biċ-ċar ir-rabtiet dejjiema tas-solidarjetà Maltija.  Minn qalbi nawguralkom Milied hieni u sena ġdida mimlija riżq.

FacebookTwitter
affarijiet barranin
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.