Messaġġ irrekordjat ta’ xewqat għall-Milied u għas-Sena l-Ġdida mill-Onor. Ian Borg għall-Maltin li jgħixu barra

Diċembru 2023

Hon. Ian Borg

Din l-aħħar sena kienet waħda ttimbrata minn numru ta’ sfidi globali kbar  u kumplessi. B’hekk irridu nirrikonoxxu li fi żminijiet bħal dawn, huwa importanti li l-komunità globali tingħaqad wara messaġġ ewlieni ta’ favur il-paċi, s-sigurtà u s-solidarjetà internazzjonali.

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kunflitt li għaddej bejn l-Iżrael u l-grupp tal-Ħamas biddlu x-xenarju tad-dinja. L-għajta ta’ appoġġ għal dawk li qed jiġu milquta, fosthom dawk li qegħdin jaffaċċjaw inġustizzja, u kif ukoll n-numru ta’ rġiel, nisa u tfal li ħajjithom ġiet affettwata mill-konsegwenzi tal-gwerra, huma l-istampi li sawru s-sena elfejn u tlieta u għoxrin.

Il-kisba kbira li wettaqna f’din l-aħħar sena,  bħala membri mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurta’ tan-Nazzjonijiet Magħquda, hija xhieda tad-dedikazzjoni ta’ pajjiżna biex nippromwovu l-ġustizzja, l-ugwaljanza u d-diplomazija fuq livell globali. Minkejja ċ-ċokon ta’ dan il-pajjiż, Malta irnexillha tkun fuq quddiem fid-diskussjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet internazzjonali. Is-Sena elfejn u tlieta u għoxrin, għalhekk, kienet sena fejn stajna nagħmlu impatt sinifikanti, aktar minn qatt qabel.

Quddiem dawn il-kwistjonijiet, bqajna ddeterminati sabiex inżommu l-impenn tagħna favur il-paċi u l-istabilità internazzjonali. Din il-pożizzjoni tħallina nikkontribwixxu b’mod attiv fid-diskors u r-riżoluzzjonijiet li jindirizzaw dawn il-kunflitti, naħdmu favur is-soluzzjonijiet diplomatiċi li jirrispettaw id-drittijiet u l-aspirazzjonjiet tal-partijiet involuti.

Filwaqt li nirrikonoxxu l-isfidi li taffaċċja l-komunità globali, huwa kruċjali li nenfasizzaw is-sinifikat tad-dijaspora Maltija. Qegħdin naħdmu lejn il-kunċett ta’ Malta Globali, fejn Malta teżisti mhux biss bħala pajjiż fiżiku ristrett għal-arċipelagu tagħna, imma li Malta tkun interpretata bħala identità li teżisti kull fejn jinsabu l-Maltin.

Il-preżenza tagħkom bħala simboli tal-identità Maltija madwar id-dinja għandha rwol kruċjali biex inrawwmu il-paċi u rieda tajba. Ħafna Maltin madwar id-dinja urew bil-provi dan l-irwol. Għalhekk, sew jekk fil-kontribuzzjoni lejn il-kawżi umanitarji, fil-ġlied favur il-paċi jew anki billi komplejtu  żommu r-rabtiet b’saħħithom ma’ art twelidkom, inthom bħala dijaspora Maltija, iżżommu post uniku u essenzjali fl-identità globali tagħna. B’hekk, ma nistgħux ma nirrikonnoxxux u nuru l-apprezzament tagħna għax-xogħol tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra, li kelli pjaċir niltaqa’ hawn Malta f’Settembru li għadda, fejn il-ħidma tiegħu jiżgura rappreżentanza tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-komunitajiet li tirrappreżenta u lil hinn minnha. Iżda nixtieq nestendi dan l-awgurju anki lill-assoċjazzjonijiet u komunitajiet oħra tal-Maltin madwar id-dinja għax-xogħol imprezzabbli li qegħdin tagħmlu fost il-Maltin.

Hekk kif se nibdew dawn iż-żminijiet ta’ festi,  ma ninsewx dawk kollha affettwati minn kunflitti, diżastri naturali u l-effetti tat-tibdil fil-klima madwar id-dinja. Nispera li l-ispirtu tal-Milied jinspira t-tama għall-paċi u r-rikonċiliazzjoni. Minkejja d-distanzi fiżiċi li jifirduna, l-identità komuni tagħna bħala individwi Maltin tgħaqqadna b’mod uniku u profond.

Biex nagħlaq, nixtieq nestendi x-xewqat sbieh lil kull wieħed u waħda minnkom għal Milied hieni mimli tama, imħabba u paċi. Nispera illi s-sena li ġejja tkun waħda ta’ suċċess, prosperita’ u għaqda kontinwa għad-dijaspora Maltija. Nirringrazzjakom u nawguralkom Is-Sena t-Tajba.

FacebookTwitter
affarijiet barranin
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.