Messaġġ irrekordjat ta’ xewqat għall-Milied u għas-Sena l-Ġdida mill-E.T George W Vella għall-Maltin li jgħixu barra

Diċembru 2023

H.E. George Vella

Hekk kif qed ningħaqdu flimken għal dan iż-żmien speċjali tas-sena, Miriam u jien nixtiequ nawguraw Milied hieni lil kull wieħed u waħda minnkom. Il-Milied huwa żmien ta’ ferħ, riflessjoni, u konnessjoni, u hu għalhekk bi pjaċir kbir li nixtieq ningħaqad mad-dijaspora Maltija madwar id-dinja f’din iċ-ċelebrazzjoni.

Dan iż-żmien tal-Milied huwa żmien ta’ għaqda bejn il-familji u l-kommunitajiet, fejn naqsmu ma’ xulxin l-imħabba u r-rieda tajba, li hija riflessa fil-valuri Maltin.

B’hekk inħeġġiġkom sabiex dan il-Milied tieħdu mument biex tirreflettu fuq il-valuri tagħna bħala Maltin – il-valuri tal-komunità, tar-reżiljenza, u tal-kompassjoni. Hekk kif ninġabru flimkien mal-maħbubin tagħna, ftakru li intom parti integrali tal-familja Maltija, irrispettivament  fejn qegħdin madwar id-dinja. Għalkemm Malta pajjiż żgħir, li tkun Malti jmur lil hinn minn hekk, u nistgħu ngħidu li Malta tinsab kullimkien madwar id-dinja fil-qalb ta’ kull membru tad-dijaspora Maltija.

 Bħala gżejjer Maltin għandna storja u kultura unika. Li tara d-dijaspora Maltija tikkontribwixxi fil-qasam internazzjonali inissel sens ta’ kburija. Il-Maltin kisbu r-reputazzjoni tagħhom bħala poplu ta’ suċċess u ta’ determinazzjoni. Ninspira ruħi nara Maltin u oħrajn ta’ dixxendenza Maltija jagħmlu isem għalihom infushom imma anke għal pajjiżhom. Il-kisbiet, ir-reżiljenza, u l-impenn tagħhom biex jippreservaw l-wirt storiku Malti huwa ta’ eżempju għal kulħadd. B’hekk nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi għall-impatt li qed iħallu fl-oqsma rispettivi tagħhom.

Nixtieq nieħu mument biex naċċenna fuq l-importanza tal-wirt lingwistiku u kulturali Malti. Wieħed mill-modijiet ta’ kif nistgħu nikkomunikaw bejnietna huwa permezz tal-lingwa. F’dinja fejn il-globalizzazzjoni tfisser il-prevalenza tal-midja soċjali, ghandha tkun t’opportunita’ sabiex nippreservaw u nippromwovu l-lingwa tagħna. Il-lingwa tagħna hija xempju tal-kuraġġ u s-saħħa li urew l-antenati tagħna billi żammew l-awtonomija u l-wirt tagħna. Ejjew ngħożżu u nippreservaw dan it-teżor uniku li jgħaqqadna flimkien, li jgħinna insibu l-għeruq tagħna u li jservi bħala simbolu tal-identità nazzjonali tagħna.

Ghandna wkoll niehdu din l-opportunita’ li kif qegħdin niċċelebraw il-Milied, niċċelebraw ukoll ir-rikezza tal-kultura Maltija li anki tidwi fit-tradizzjonijiet li għandna marbuta ma’ dawn iż-żmienijiet sabiex ngħożżu l-patrimonju Malti u dak li jgħaqqadna bħala Maltin.

Nixtieq ukoll nuri l-apprezzament tiegħi lid-dijaspora Maltija talli laqgħuni waqt iż-iżjarat tiegħi f’pajjiżhom. L-ospitalità li rajt ġewwa l-Irlanda, r-Renju Unit, l-Istati Uniti, l-Kanada, l-Emirati Għarab Maqħguda, l-Ġreċja, l-Awstralja, u lil hinn, huwa verament apprezzat. L-entużjazmu, kif ukoll l-impenn tagħkom biex iżżommu rabta b’saħħitha bejn id-dijaspora u Malta ħallew impressjoni indimentikabbli fuqi. Grazzi talli tkunu ambaxxaturi ta’ pajjiżna u talli żżommu l-valuri li jagħmluna kburin li aħna Maltin.

Għandna inkunu grati wkoll għall-fatt illi ħa nkunu nistgħu inqattgħu dan il-Milied mal-maħbubin tagħna. Kemm jekk f’din l-aħħar sena tlifna xi għeżież tagħna, jew esperjenzajna żminijiet diffiċli, għal ħafna minna, konna xxurtjati ili ngħixu fis-sigurtà li tħallina inkunu flimkien f’dan iż-żmien speċjali. B’hekk aħsbu ftit f’dawk li huma inqas ixxurtjati minna. Fil-fatt din l-aħħar sena, rajna żieda fil-kunflitti madwar id-dinja, fl-Ukrajna, l-Iżrael u l-Palestina, fost oħrajn. Huwa f’dawn il-postijiet fejn in-nies mhux se jkunu jistgħu jiċċelebraw il-Milied kif se nkunu nistgħu aħna.

Mill-ġdid nixtieq nirringrazzjakom mill-qalb u nawguralkom Milied hieni u s-Sena t-Tajba.

FacebookTwitter
affarijiet barranin
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.