Id-Direttorat Ġenerali ghas-Servizzi ta’ Sapport fi ħdan L-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Turiżmu (MFT) iwieġeb direttament lis-Segretarju Permanenti. L-irwol ta’ dan id-Direttorat Ġenerali huwa li jkun il-punt ta’ riferiment għas-Segretarju Permanenti fl-oqsma kollha li jaqgħu taħtu u jkun mezz biex jassigura li l-programmi, il-progetti u l-inizjattivi fi ħdan il-Ministeru jiġu implementati fil-ħin u b’mod effettiv u effiċjenti.
Id-Direttorati li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat Ġenerali għas- Servizzi ta’ Sapport huma dawn:
- Id-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi
- Id-Direttorat għas-Servizzi Konsulari u Maltin Jgħixu Barra
- Il-Unit ghall-Infrastruttura u s-Sigurtà
- Il-Missions Abroad and Development Unit
Id-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi
Id-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi huwa responsabbli għall-Amministrazzjoni, ir-Riżorsi Umani, il-Finanzi u għajnuna ġenerali oħra meħtieġa L-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Turiżmu.
Id-dipartiment tal-Finanzi u l-Kontabbiltà (Accounts) jinkludi:
- Is-Sezzjoni tal-Kontabbiltà fil-Head Office tieħu ħsieb l-baġit tal-Head Office.
- Is-Sezzjoni tal-Missions Accounts hija responsabbli mill-awditjar tal-kontijiet tal-Ambaxxati.
- Is-Sezzjoni tal-Akkwisti (Procurement) hija responsabbli għat-tfassil u l-implementazzjoni ta’ proċessi li jwasslu għall-kuntratti marbuta ma’ xiri ta’ affarijiet, servizzi jew xogħlijiet skont il-Liġijiet Nazzjonali tal-Akkwisti, kif ukoll, ċirkolarijiet relatati skont il-ħtieġa.
- Is-Sezzjoni tal-Ivvjaġġjar tieħu ħsieb il-bżonnijiet kollha fejn jidħol ivvjaġġjar tal-Ministeru.
Id-dipartiment tar-Riżorsi Umani
Dan id-dipartiment jieħu ħsieb dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ personnel meħtieġ f’Head Office u kif ukoll fl-Ambaxxati, fosthom:
- Il-proċessi kollha in konnesjoni ma’ sejħiet t’applikazzjonijiet approvati fil-Capacity Building;
- ittri ta’ ħatra;
- il-Performance Management Programme tal-uffiċjali;
- records aġġornati tal-uffiċjali kollha fil-Ministeru skont il-proċeduri irregolati mill-Public Service Management Code (PSMC);
- Il-koordinazzjoni tar-Registries.
- Servizz ta’ sapport ġenerali għall-istaff kollu.
Direttorat għas-Servizzi Konsolari u Maltin Jgħixu Barra (DCSMLA)
Id-Direttorat għas-Servizzi Konsolari u Maltin Jgħixu Barra jassisti direttament mal-pubbliku ġenerali. Bl-assistenza tad-diplomatiċi li jservu barra minn Malta, id-direttorat jipprovdi sensiela wiesgħa ta’ servizzi liċ-ċittadini Maltin minn assistenza medika sa assistenza lil vittmi ta’ kriminalità u telf jew serq ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn, id-Direttorat iservi bħala punt ta’ kuntatt bejn l-individwu li jinsab barra u l-qraba tiegħu f’Malta, billi jiffaċilita tranżazzjonijiet finanzjarji fejn meħtieġ, u f’pajjiżi fejn Malta għandha Rappreżentanza Diplomatika, jiżgura li fejn hu possibbli Uffiċjali Diplomatiċi Maltin iżuru u jgħinu lill-persuna fid-diffikulta’. Id-Direttorat jgħin ukoll fit-tfittxija għaċ-cittadini Maltin li jkunu rrappurtati nieqsa barra minn Malta, jew jagħti tagħrif lill-qraba li jsaqsu għal din l-informazzjoni. Kull talba għall-informazzjoni tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali.
Arrest jew Detenzjoni meta Ċittadin Malti jkun barra minn Malta
Kull meta ċittadin Malti jkun arrestat jew tingħatalu sentenza minn qorti barranija, l-MFET ikun il-punt ta’ kommunikazzjoni bejn l-individwu taħt l-arrest u l-qraba tiegħu f’Malta. Barra minn hekk, id-Direttorat jagħmel dak kollu possibbli fil-kompetenza tiegħu biex jassigura li ċ-ċittadin miżmum jew ikkundannat b’sentenza ta’ ħabs mill-qorti jkollu aċċess għar-rappreżentanza legali xierqa f’lingwa li jista’ jifhem.
Emerġenza jew Sitwazzjoni ta’ Kriżi
Kull meta pajjiż jew reġjun ikun affettwat minn emerġenza jew sitwazzjoni ta’ kriżi, bħal diżastru naturali jew attakk terroristiku, id-Direttorat iservi bħala l-punt ta’ kuntatt bejn iċ-ċittadini Maltin li setgħu inqabdu fil-kriżi u l-qraba tagħhom f’Malta. F’każijiet bħal dawn, il-Ministeru jattiva ċ-ċentru ta’ kriżi, mgħammar b’linji telefoniċi ta’ emerġenza biex jindirizza mal-d-domandi tal-pubbliku. Id-Direttorat jikkomunika wkoll b’mod regolari, mal-Ambaxxati, mal-Kummissjonijiet Għolja u l-Konsulati, mal-Awtoritajiet Lokali fejn tkun seħħet il-kriżi, u mal-Istati Membri tal-UE biex jiżgura li jkun aġġornat bl-aħħar żviluppi uffiċċjali dwar il-kriżi partikolari.
Applikazzjonijiet għall-Viża u Pariri dwar is-Safar
Id-Direttorat jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar dak li hu meħtieġ għall-viża u l-proċeduri għall-applikazzjoni għall-viża liċ-ċittadini Maltin li jixtiequ jivvjaġġaw barra minn Malta. Jipprovdi wkoll b’mod regolari u aġġornat pariri dwar saħħa u sigurtà f’pajjiżi speċifiċi.
Il-Legalizzazzjonijiet
Id-Direttorat għandu taqsima ddedikata għal-legalizzazzjoni ta’ firem fuq dokumenti pubbliċi fil-forma t’Apostilles jew Legalizzazzjoniijiet. L-Apostilles u l-Legalizzazzjonijiet huma awtorizzazzjonijiet ikkonfermati ta’ dokumenti pubbliċi jew kummerċjali li huma rikonoxxuti uffiċċjalment kemm mill-pajjiż fejn jinħarġu kif ukoll mill-pajjiż fejn se jintużaw.
Boroż ta’ Studji
Il-Gvern, kemm lokali u dak ta’ pajjiżi barranin, joffri numru ta’ boroż ta’ studju ghaċ-ċittadini Maltin li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom barra minn Malta. Wara li ssir notifika uffiċċjali dwar il-borża ta’ studju offruta, permezz ta’ din is-Sezzjoni, id-Direttorat joħroġ ċirkulari uffiċċjali, iqassam u jirċievi applikazzjonijiet mill-partijiet interessati, jikkoordina l-proċessi meħtieġa, u joffri wkoll gwida prattika għall-kandidati magħżula.
Ittri Rogatorji
Kull proċess legali li jinvolvi ġurisdizzjonijiet Maltin u barranin jeħtieġ l-assistenza ta’ dan id-Direttorat, li permezz tal-Ambaxxati u l-Konsulati barra minn Malta, iservi bħala punt ewlieni ta’ kuntatt mal-Awtoritajiet Ġurisdizzjarji tal-pajjiż ikkonċernat.
Consul-on-the-Move
L-għan ewlieni tal-programm Consul-on-the-Move (COTM) huwa li joffri numru ta’ servizzi konsulari li normalment jingħataw biss fl-Ambaxxati, il-Kummissjonijiet Għolja u l-Konsulati Ġenerali Maltin lil hinn minn xtutna. Din l-inizjattiva bdiet fl-2016 wara li fl-2008 kien imniedi l-Passaport Bijometriku, fejn l-applikant issa jrid imur personalment fl-Ambaxxata biex japplika għall-passaport u titteħidlu l-informazzjoni bijometrika. Minbarra l-applikazzjonijiet tal-passaporti, is-servizzi mogħtija permezz tal-programm COTM jinkludu l-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati t’avvenimenti ewlenin tal-ħajja u għaċ-ċittadinanza Maltija. Il-programm jikkonforma mal-Politika tal-Gvern li jqarreb is-servizzi tiegħu lejn iċ-ċittadin. Bħalissa s-servizz huwa offrut f’ħames pajjiżi ewlenin fejn hemm jgħixu l-akbar numru ta’ Maltin, jiġifieri: il-Kanada, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Awstralja u n-New Zealand.
Id-Direttorat għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li jgħixu barra minn Malta jikkoordina ż-żjarat annwali lejn Malta flimkien mal-Kummissjonijiet Għolja u l-ambaxxati fil-pajjiżi fejn jingħata dan is-servizz. Id-DCSMLA jaħdem bi sħiħ biex jiġi assigurat li s-servizz mobbli offrut liċ-ċittadini Maltin li jgħixu barra jkun tal-ogħla livell possibbli.
Il-Kommunitajiet ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta
Din it-taqsima hija ddedikata speċifikament biex tħares l-interessi tal-kommunitajiet ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta.
Id-Direttorat jieħu ħsieb ukoll ħidmiet li jinkludu fost oħrajn il-ġbir t’informazzjoni u pariri dwar politika relatati mad-dijaspora Maltija; moniteraġġ regolari tad-diversi leġislazzjonijiet lokali u Ewropej li jistgħu jaffettwaw il-ħajja tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta; konsultazzjoni, għajnuna u pariri lill-Gvern Malti fuq materji li jolqtu lid-dijaspora Maltija; kuntatt u assistenza regolari lis-Segretarju tal-Kunsill tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta skont l-Att XX tal-2011 (CAP.515) fit-tkomplija u l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda minn żmien għal żmien u fl-organizzazzjoni tal-Laqgħa Annwali f’Mata u laqgħat oħrajn; tassisti fil-ħidma għall-Konvenzjoni tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta; iżżomm reġistru ta’ għaqdiet mhux Governattivi (NGOs) u assoċjazzjonijiet tal-Maltin li jgħixu barra; iżżomm reġistru tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta u li għamlu suċċess fis-settur tagħhom; u, tħaddem u tippromwovi s-servizz ta’ reġistrazzjoni volontarja għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta, magħrufa bħala ‘Notifika D.’
Is-sit Maltese Living Abroad: https://malteselivingabroad.gov.mt/
Il-Unit għall-Infrastruttura u s-Sigurtà
Il-Unit għall-Infrastruttura u s-Sigurta` tifforma parti mid-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta’ Sapport. Dan il-Unit huwa responsabbli għall-proġetti kapitali, xogħlijiet ta’ manutenzjoni u sigurtà għall-propjetajiet kollha tal-Ministeru, kemm dawk lokali kif ukoll barra l-pajjiż. Il-Unit huwa wkoll il-punt ta’ riferiment għall-proġetti li jaqgħu taħt Fondi Ewropej. Huwa wkoll inkarigat mill-immaniġġjar ta’ kuntratti għall-kirjiet u s-servizzi u għall-manteniment ta’ bnadar u inventarji.
Missions Abroad and Development Unit (MADU)
It-tim tal-MADU jiffoka prinċipalment fuq:
- il-koordinazzjoni u l-preparamenti marbuta maċ-ċaqliq tal-istaff minn/lejn/bejn il-missjonijiet barra minn xtutna;
- it-taħriġ meħtieġ meta uffiċċjal jissejjaħ biex jaqdi dmiru f’Missjoni permezz tal-Posting Training Programme (PTP), li jammonta ‘il fuq minn 30 Il-PTP huwa mis-sezzjoni ta’ taħriġ speċjalizzat fil-prospectus tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi (IPS);
- ir-rappurtaġġ mill-Missjonijiet;
- it-taħriġ għad-diplomatiċi ġodda li jinkludi programm t’induzzjoni ta’ sentejn (ITP) fejn id-diplomatiċi ingaġġati jgawdu minn sistema ta’ rotazzjoni ta’ placements f’direttorati differenti tal-Ministeru;
- l-iskema ta’ Mentoring fejn uffiċċjali t’esperjenza jiġu mħarrġa biex jassistu flimkien mal-line management lid-diplomatiċi ġodda matul l-ITP;
- l-iżvilupp professjonali kontinwu tad-diplomatiċi;
- il-koordinazzjoni tat-taħrig tal-lingwi b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Innovazzjoni u Riċerka (MEYR); u,
- flimkien mal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti jikkoordina inizjattivi t’outreach ma’ istituzzjonijiet edukattivi fosthom l-Università ta’ Malta, l-M.C.A.S.T. u d-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi fi ħdan il-MEYR, u anke opportunitajiet fejn inbeda jiġi assistiet il-benesseri tal-uffiċċjali għolja tal-Ministeru permezz tal-programm Strengthening the Leadership Capacity.
Dan it-tim huwa wkoll il-punt ta’ riferiment għall-Missjonijiet barra minn Malta u jiffaċilita programmi ta’ taħriġ ġenerali partikolari għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej u Kummerċ hekk kif mitlub mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, id-Direttorati, u l-Missjonijiet fi ħdan il-Ministeru.
Ta’ min isemmi wkoll li dan il-Unit jikkollabora ħafna mad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani u jassistih b’mod speċjali fuq sejħiet marbuta mal-Unjoni Ewropea fosthom sejħiet bħal Seconded National Experts (SNE) u sejħiet simili li jaqgħu taħt il-kappa ta’ EU Staffing.