Id-Direttorat Ġenerali jiżgura li jiġu milħuqa l-għanijiet tal-politika barranija ta’ Malta dwar kwistjonijiet bilaterali u reġjonali. Dan iseħħ ukoll permezz ta’ parteċipazzjoni attiva fil-Politika Esterna u ta’ Sigurtà Komuni (CFSP) tal-Unjoni Ewropea kif ukoll f’fora oħra. Ix-xogħol tad-DĠ jinkludi l-preparazzjoni tal-pożizzjonijiet u l-interventi fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (FAC) u fi istrutturi oħra tal-Kunsill, inklużi laqgħat ta’ Gruppi ta’ Ħidma varji. Id-DĠ huwa maqsum f’żewġ Direttorati: Direttorat għall-Affarijiet Ewropej u-d- Direttorat għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji.

 

Direttorat għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji

Ir-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ pajjiżi li m’humiex membri tal-Unioni Ewropeja u l-pożizzjoni Maltija fir-rigward ta’ politika internazzjonali huma ko-ordinati mid-Direttorat għar-Relazzjonijiet Esterni u Mediterranji. Dawn il-pożizzjonijiet huma espressi wkoll, fejn xieraq, fuq livell Ewropew fi ħdan l-istrutturi tal-Politika Komuni għall-Affarijiet Barranin u Sigurta’.

Fil-kuntest reġjonali, parteċipazzjoni attiva fil-proċess Ewro-Mediterranju, li issa sar l-Unjoni għall-Mediterran li tħaddan fiha l-pajjiżi tal-Meditterran kollha, u mfassla biex isservi bħala mutur għall-implimentazzjoni ta ‘ proġetti prattiċi, tibqa’ prijorita ewlenija. L-involviment ta’ Malta f’fora reġjonali u inizjattivi b’relevanza diretta għar-reġjun Mediterranju, bħal Politika Ewropeja mal-pajjiżi ġirien, id-Djalogu tal-pajjiżi fil-Punent tal-Mediterran (5+5), u l-Union for the Mediterranean huma wkoll ko-ordinati mid-Direttorat.

Konsistenti mal-Miri Strateġiċi tal-Ministeru fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali, partikolarment mal-pajjiżi ġirien, id-Direttorat jaħdem sabiex jiġu indukrati r-relazzjonijiet barranin ta’ Malta fuq livell bilaterali filwaqt li tingħata attenzjoni għall-kwistjonijiet ta’ interess dirett. Id-Direttorat jiffoka primarjament fuq ir-relazzjonijiet ta’ Malta mal-pajjiżi ġirien, u oħrajn lil’hinn bħall-iStati Uniti, r-Russja u ċ-Ċina, li ma’ dawn il-pajjiżi Malta minn dejjem kellha relazzjonijiet tajbin ħafna. Id-Direttorat huwa wkoll responsabbli għar-relazzjonijiet politiċi ta’ Malta mal-pajjiżi Afrikani u mal-Unjoni Afrikana, kif ukoll sabiex isegwi l-iżviluppi fil-Lvant Nofsani.

 

Direttorat għall-Affarijiet Ewropej

Id-Direttorat għall-Affarijiet Ewropej imexxi r-relazzjonijiet bilaterali ġenerali ta’ Malta mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Huwa wkoll responsabbli għar-rabtiet ta’ Malta mal-Albanija, Andorra, Bosnja u Ħerzegovina, lil-Maċedonja ta’ Fuq, l-Iżlanda, il-Kosovo, il-Liechtenstein, Monako, il-Montenegro, in-Norveġja, San Marino, is-Serbja, l-Iżvizzera u t-Turkija kif ukoll mas-Santa Sede u l-Ordni Militari Sovran ta-Kavallieri ta’ San Gwann ta’ Ġerusalemm, Rodi u Malta.

L-għan ewlieni ta’ dan id-Direttorat huwa li joħloq, iżomm u jtejjeb ir-rabtiet sodi u ta’ benefiċċju reċiproku ma’ dawn il-pajjiżi kollha. L-irwol tiegħu hu li jifformula u jikkoordina l-politika nazzjonali fir-rigward tagħhom sabiex l-interessi ta’ Malta jiġu protetti waqt li r-relazzjonijiet tagħha mal-ġirien Ewropej jinżammu fl-aħjar livell possibbli. Id-Direttorat jamministra wkoll żjarat uffiċjali ta’ livell għoli lejn u minn pajjiżi Ewropej msieħba, filwaqt li jikkoordina u jgħin fl-organizzazzjoni tagħhom kif meħtieġ.

Xogħol ewlieni tad-Direttorat għall-Affarijiet Ewropej huma inizjattivi bilaterali Ewropej tal-Ministeru, fejn jiġu promossi skambji reċiproċi vantaġġużi fil-livelli kollha u jgħin sabiex jiġu fis-seħħ ftehiem li jirregolaw kwistjonijiet ta’ importanza għall-poplu ta’ Malta u dawk ta’ interlokuturi Ewropej tagħha.

Ir-relazzjonijiet mal-istati tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll il-perspettiva tal-UE tagħhom għal dawk il-pajjizi li għadhom ma fetħux in-negozjati, jaqgħu wkoll fi ħdan il-kompetenza ta’ dan id-Direttorat.

FacebookTwitter