Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, is-Sur Christopher Cutajar, mexxa żjara f’Alġeri mis-16 sad-19 ta’ Jannar 2023. L-għan ta’ din iż-żjara kien sabiex ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Alġerija permezz ta’ djalogu kontinwu, skambji kummerċjali msaħħa u l-faċilitazzjoni ta’ kuntatti bejn in-negozji, kif ukoll biex jiġu esplorati forom ġodda ta’ koperazzjoni, inkluż fis-settur tal-enerġija.

Is-Sur Cutajar kellu laqgħat pożittivi mas-Segretarju Ġenerali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Komunità Nazzjonali Barra mill-pajjiż, is-Sur Amar Belani, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummerċ u l-Promozzjoni tal-Esportazzjonijiet, is-Sur El Jadi Bakir u s-Segretarju Ġenerali tal- Ministeru tal-Enerġija u l-Minjieri, is-Sur Abdelkrim Aouissi. Matul dawn il-laqgħat, kien hemm ftehim komuni miż-żewġ naħat dwar il-ħtieġa li jiġu kkonsolidati r-relazzjonijiet li ilhom jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi għall-benefiċċju taż-żewġ popli. Id-diskussjonijiet missew ukoll kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali ta’ tħassib reċiproku, b’enfasi partikolari fuq l-isfidi li qed jiffaċċjaw fil-viċinat immedjat tagħna u li matulhom iż-żewġ naħat tennew l-impenn kondiviż tagħhom għall-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran.

Is-Segretarju Permanenti kellu wkoll laqgħa ta’ korteżija mal-Kamra tal-Kummerċ tal-Alġerija li matulha ż-żewġ naħat qablu li jfittxu oqsma ġodda ta’ kollaborazzjoni biex jiffaċilitaw il-kuntatti bejn il-komunitajiet kummerċjali rispettivi. Matul iż-żjara tiegħu, is-Sur Cutajar żar ukoll il-Konsulat Onorarju ta’ Malta f’Alġeri kif ukoll il-Mużew Nazzjonali ta’ Moudjahid tal-Alġerija li jfakkar l-istorja li biha l-poplu Alġerin wasal biex jikseb l-indipendenza fl-1962.

Matul iż-żjara tiegħu, is-Sur Cutajar kien akkumpanjat minn l-E.T. Philo Meli, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Alġerija, is-Sur Claude Bonello, Direttur (Relazzjonijiet Esterni u Affarijiet tal-Mediterran) u s-Sur Duncan Psaila, Konslu Onorarju ta’ Malta f’Alġeri. L-Ing. Abigail Cutajar, Konsulent fi ħdan il-Ministeru tal-Ambjent, Enerġija u Intrapriża akkumpanjat lid-delegazzjoni fil-laqgħa mal-Ministeru għall-Enerġija u l-Minjieri.

FacebookTwitter
affarijiet barranin
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.