Prezentazzjoni ta’ Ittri ta’ Kredenzjali

Fit-22 ta’ Novembru 2023, l-Ambaxxatur Anne-Marie Muscat Fenech Adami ppreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-Eċċellenza Tiegħu Rumen Radev, President tar-Repubblika tal-Bulgarija.

L-Ambaxxatur Muscat Fenech Adami ġiet skortata sal-Bini tal-Amministrazzjoni tal-President fejn ġiet milqugħa mill-Kap tal-Protokoll tal-Istat, u wara li assistiet għad-daqq tal-Innu Nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija spezzjonat il-Gwardji tal-Unur.

Wara l-preżentazzjoni tal-Ittri ta’ Kredenzjali sar skambju mal- Eċċellenza Tiegħu l-President tar-Repubblika tal-Bulgarija fejn ġew innutati r-relazzjonijiet eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll ix-xewqa reċiproka li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll rappreżentanti ta’ grad għoli tal-Uffiċċju tal-President inkluż il-Kap tal-Uffiċċju tal-President, is-Segretarju Amministrattiv Kap tal-President, u s-Segretarju tal-Politika Barranija. Id-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin, E.T. Elena Shekerletova kienet preżenti wkoll.

L-Ambaxxatriċi kienet akkumpanjata mill-konjuġi tagħha s-Sur Brian Muscat, u mis-Sur David Muscat, Kunsillier fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ tar-Repubblika ta’ Malta.

Wara ċ-ċerimonja l-Ambaxxatur Muscat Fenech Adami assistiet għad-daqq tal-Innu Nazzjonali tar-Repubblika ta’ Malta u mbagħad zaret il-Monument tas-Suldat Mhux Magħruf għat-tqegħid ta’ bukkett ta’ fjuri b’sinjal ta’rispett.

Prezentazzjoni ta’ Copie d’Usage

Fil-jum ta’ qabel, il-21 ta’ Novembru 2023, is-Sinjura Anne-Marie Muscat Fenech Adami, Ambaxxatur tar-Repubblika ta’ Malta għar-Repubblika tal-Bulgarija ppreżentat il-Copie d’Usage tagħha lill-E.T. Elena Shekerletova, Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Bulgarija.

Wara ċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni, E.T. id-Deputat Ministru awgurat suċċess lill-Ambaxxatur Muscat Fenech Adami matul il-mandat tagħha bħala Ambaxxatur. Id-Deputat Ministru nnotat li hemm numru ta’ toroq li jistgħu jiġu esplorati biex ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti fosthom l-edukazzjoni u t-turiżmu kif ukoll il-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

L-Ambaxxatur Muscat Fenech Adami rringrazzjat lid-Deputat Ministru u ħarset ‘il quddiem għall-identifikazzjoni ta’ oqsma ta’ kooperazzjoni b’mod partikolari fl-iskambji kulturali, kif ukoll l-edukazzjoni b’fokus fuq it-tagħlim tal-Ingliż.

L-Ambaxxatur Muscat Fenech Adami kienet akkumpanjata mis-Sur David Muscat, Kunsillier fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ tar-Repubblika ta’ Malta.

Saru wkoll laqgħat mal-Aġent Kap tar-Rappreżentanza tal-UE u mal-Konslu Ġenerali Onorarju għal Malta, is-Sur Borislav Boyanov.​

FacebookTwitter
affarijiet barranin
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.