Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, is-Sur Christopher Cutajar kellu żjara ta’ tlett ijiem bejn l-14 u s-16 ta’ Novembru fil-Libja b’laqgħat dwar il-kooperazzjoni politika u ekonomika ma’ awtoritajiet tal-gvern u entitajiet privati fi Tripli u Misrata. Din iż-zjara seħħet wara li delegazzjoni Ministerjali mmexxija mill-Onor. Ian Borg, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u l-Onor. Miriam Dalli, Ministru għall-Ambjent, Enerġija u Intrapriżi żaret l-Libja fit-13 ta’ Novembru fejn kellhom laqgħat mal-Ministri rispettivi Libjani biex isaħħu l-momentum għal aktar kooperazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Libja, partikolarment dwar l-infrastruttura tal-enerġija u l-promozzjoni tal-kummerċ.
Bil-għan li tespandi l-kooperazzjoni ta’ Malta mal-Libja fuq livell lokali fis-setturi tal-immaniġġjar tal-iskart u l-kura tas-saħħa primarja, is-Sur Cutajar kellu laqgħat mas-Sindku ta’ Tripli, is-Sur Ibrahim al Khalifi u s-Sindku ta’ Misrata s-Sur Mahmoud Sigutri, fejn iż-żewġ naħat qablu li jsiru aktar diskussjonijiet fuq livell tekniku dwar is-setturi identifikati.
Huwa kellu wkoll diskussjonijiet mal- Libyan General Union of Chamber of Commerce, Libya Businessmen Council, u ċ-Chairman tal-Misrata Free Zone is-Sur Muhsin Sigutri. Wara l-introduzzjoni ta’ żewġ titjiriet diretti fil-ġimgħa bejn Malta u Misurata f’Settembru, Malta qed tfittex li ssaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali tagħha ma’ Misurata b’diskussjonijiet dwar il-possibilita’ ta’ konnessjoni marittima diretta għall-merkanzija u l-passiġġieri. Iż-żewġ naħat qablu dwar il-ħtieġa li r-rabtiet marittimi bħal dawn jiġu msaħħa mill-ġdid sabiex iwasslu għal aktar skambji kummerċjali. Għal dan il-għan is-Sur Cutajar żar ukoll il-Ferry Terminal Passenger ta’ Misrata li potenzjalment jista’ jiġi utilizzat għal tali rabta marittima. Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq il-parteċipazzjoni ta’ intrapriżi Libjani f’delegazzjoni kummerċjali minn Malta li qed tiġi ppjanata. Is-Segretarju Permanenti enfasizza wkoll li wara l-ftuħ ta’ ċentru għall-applikazzjoni tal-viża f’Bengażi, Malta qed tistudja wkoll il-possibbiltà li tiftaħ ċentru ieħor f’Misrata biex tiffaċilita l-applikazzjonijiet għall-viża.
Is-Segretarju Permanenti kellu wkoll taħditiet mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Onor. Ramadan Boujnah, Ministru tal-Affarijiet tan-Nisa, Onor. Houria Tarmal u d-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin, is-Sur Mohammed Isa. Iż-żewġ naħat qablu li jlaqqgħu Kummissjoni Konġunta fil-futur qarib biex jippermettu taħditiet tekniċi u jiftħu opportunitajiet ġodda ta’ kooperazzjoni.