Riċentement, l-Eċċellenza Tiegħu, l-Ambaxxatur ta’ Malta fil-Portugall, is-Sur John Camilleri, u d-deputat tiegħu, is-Sur Mario Buttigieg, kienu l-mistednin distinti għat-tnedija tal-ktieb Provérbios Europeus/European Proverbs/Proverbji Ewropej fil-Librerija Muniċipali f’Tavira, il-Portugall. Dan il-ktieb ġie miktub mill-Prof Rui Soares, President tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Parmeoloġija (IAP), u Dr Charles Daniel Saliba, membru tal-IAP u ġie ppubblikat mill-IAP stess.

Dan il-ktieb trilingwali (Portugiż, Ingliż u Malti) għandu erba’ taqsimiet. L-ewwel taqsima fiha l-listi tal-proverbji ordnati alfabetikament f’kull waħda mit-tliet lingwi. Fit-tieni taqsima, il-proverbji ekwivalenti fit-tliet lingwi huma miġbura flimkien; fit-tielet taqsima, għal kull qawl, tingħata tifsira waħda fit-tliet lingwi. Fl-aħħar taqsima, jingħataw bosta eżerċizzji biex il-qarrej jipprattika l-ħiliet lingwistiċi u parmeoloġiċi tiegħu.

Waqt it-tnedija, l-ET Camilleri qal, “grazzi għal dan il-ktieb, qed inxerrdu l-kultura popolari, navvanzaw l-għarfien letterarju, u fuq kollox, nuru kemm hu sabiħ li nikkoeżistu u naħdmu flimkien b’għan wieħed: li napprezzaw is-sbuħija ta’ kull wieħed u dejjem infittxu li nikkooperaw u nikkollaboraw f’kull qasam tal-ħajja. Prosit kbira tmur għal nies bħal Prof Soares u Dr Saliba, li bil-ħidma u r-riċerka tagħhom iżommu dawn il-qwiel ħajjin għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri”.

Prof Soares innota li, ‘il-Portugall u Malta, minkejja d-distanza ġeografika tagħhom, għandhom diversi affarijiet komuni. Il-proverbji f’dan il-ktieb jirriflettu dan, u wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-ktieb huwa li jgħallem il-lingwa u l-kultura Portugiża u jimmotiva lil ħaddieħor biex jitgħallem dwar il-lingwa u l-kultura ta’ Malta. Barra minn hekk, dan il-ktieb jipprovdi mod kif jiġi promoss għarfien aħjar fiż-żewġ pajjiżi dwar l-irwol importanti tagħhom fl-Ewropa”.

Dr Saliba żied jgħid, “li dan il-ktieb jesponi l-mentalità tal-Maltin u l-Portugiżi, popli li huma ġeografikament imbiegħda iżda qrib fin-nisġa soċjali tagħhom. Barra minn hekk, dan il-ktieb se jnissel kurżità dwar il-parti l-oħra. Il-qarrejja Portugiżi se jitgħallmu aktar dwar il-Gżejjer Maltin, u l-qarrejja Maltin jitgħallmu aktar dwar il-Portugall—żewġ pajjiżi li l-kuntatt bejniethom ilu ġej żmien twil”.

L-awturi rringrazzjaw lill-ET Camilleri talli aċċetta l-istedina għal din it-tnedija tal-ktieb u talli kiteb d-daħla ta’ dan il-ktieb. Huma rringrazzjaw ukoll lill-ħaddiema tal-Librerija Muniċipali talli ospitaw l-avveniment, irringrazzjaw ukoll lis-Sinjura Ana Paula Martins, is-Sindku ta’ Tavira u s-Sur Kevin Cauchi, is-Sindku ta’ Għajnsielem, Għawdex talli kitbu l-introduzzjoni tal-ktieb; u lis-Segretarju tal-Assemblea Ġenerali tal-AIP-IAP, is-Sur Tomás Vicente Ferreira, li ta l-opinjoni tiegħu dwar l-aspetti xjentifiċi ta’ dan ix-xogħol u l-użu ta’ proverbji fil-lingwa Maltija u Portugiża, li huma vetturi utli għat-tagħlim ta’ dawn il-lingwi u strumenti għad-djalogu interkulturali bejn Malta u l-Portugall.

Waqt iż-żjara f’Tavira, l-ET Camilleri u d-deputat tiegħu, kellhom laqgħa kordjali mas-Sindku, s-Sinjura Martins u żaru wkoll il-bini l-ġdid tal-IAP.

FacebookTwitter