Nhar it-Tnejn 3 t’ April 2023, il-Kummissjoni Għoli ta’ Malta fi New Delhi, fl-Indja, ikkollaborat mal-Konsulat Onorarju ta’ Malta f’ Chennai, fl-Istat ta’ Tamil Nadu,  sabiex tiċċelebra l-44 Anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien, 31 ta’ Marzu 1979, fil-Belt Indjana ta’ Chennai, liema Belt tinsab fin-Nofsinhar tal-Pajjiż.

Il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għall-Indja, l-E.T. Reuben Gauci u martu, Dott Olga V Gauci, ivvjaġġaw min-New Delhi għall- Chennai sabiex jipparteċipaw f’ dan l-avveniment li ttella’ fil-Lukanda Hyatt Regency u kellu attendenza qawwija.

Fid-diskors tiegħu, l-Kummissarju Għoli qal li sa mill-bidu tal-Istorja, Malta dejjem kienet okkupata minn Qawwiet Barranin, speċjalment dawk marittimi, fejn kawża t’ hekk flotot militari kienu jiddominaw il-Portijiet Maltin għal sekli sħaħ.

Is-Sur Gauci qal li fil- 31 ta’ Marzu 1979, il-poplu Malta ra dawn il-bċejjeċ tal-baħar militari jħallu ’l-Malta għall-aħħar darba, u kien permezz t’ hekk li l-Ħelsien ġie miksub kompletament wara sekli sħaħ ta’ flotot barranin li ddominaw il-portijiet naturali , flotot li kienu jmorru lura għal żminijiet tal-Feniċi , Kartaġiniżi u r-Rumani. Iżda fl-aħħar, Malta rat l-aħħar vapuri tal-Gwerra Brittaniċi jitilqgħu għal dejjem minn xtutha f’ dan il-Jum.

Il-Gvernatur tal-Istat Indjan ta’ Tamil Nadu, l-E.T. Shri. T. N. Ravi , attenda għal dan l-avveniment bħala mistieden tal-unur u għamel diskors iffukat fuq il-Ħelsien mill-Gwerra.

Il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fl-Indja tixtieq tirringrazzja lil Konslu Onorarju ta’ Malta f’ Chennai, is-Sur T. Shantakumar, għall-organizzazzjoni ta’ dan ir-riċeviment.

FacebookTwitter