L-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġermanja, Vanni Xuereb, għamel żjara uffiċjali fl-Istat Ħieles ta’ Sassonja nhar l-Erbgħa, 19 t’April 2023, li matulha kellu laqgħat mal-awtoritajiet tal-Istat u rappreżentanti tan-negozju ġewwa Dresden u Leipzig.

Fil-kapitali tal-istat, Dresden, l-Ambaxxatur Xuereb kellu laqgħa mal-Ministru President tas-Sassonja, Michael Kretschmer. Tkellmu dwar is-sitwazzjoni politika f’Malta u fis-Sassonja rispettivament u ddiskutew numru ta’ kwistjonijiet importanti bħall-migrazzjoni legali u illegali, l-enerġija u t-trasformazzjoni diġitali. Il-Ministru President Kretschmer iddeskriva lil Malta bħala pajjiż ambizzjuż ħafna f’dawn l-oqsma, b’ħafna possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-Sassonja u Malta.

Waqt iż-żjara tiegħu fis-Sassonja, l-Ambaxxatur Malti żar il-Julius Blüthner Pianofortefabrik GmbH f’Leipzig. Il-familja Blüthner tissorvelja l-produzzjoni ta’ pjani ta’ livell għoli, u b’hekk tkompli l-wirt tal-fundatur li kien jibni fost l-aqwa pjani fid-dinja. Il-kumpanija ilha timmanifattura dawn l-istrumenti f’Leipzig mill-1853. Blüthner tesporta wkoll lejn diversi pajjiżi fl-Ewropa, l-Amerika u l-Asja bħall-Istati Uniti, il-Gran Brittanja u Franza.

F’Leipzig, l-Ambaxxatur Xuereb kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ ma’ numru ta’ intraprendituri prominenti, nies tan-negozju u professjonisti ewlenin f’attività mtella’ fil-Klabb Internazzjonali mill-Konslu Onorarju ta’ Malta fis-Sassonja, Detlef Bischoff. Dawk preżenti se jiffurmaw parti minn delegazzjoni li se tkun qed tibda vjaġġ ta’ negozju lejn Malta fil-ġimgħat li ġejjin. Fid-dawl taż-żjara tagħhom li ġejja, kienu ħerqana ħafna li jitgħallmu aktar dwar il-Gżejjer Maltin, u l-Ambaxxatur Xuereb tkellem dwar il-ħafna opportunitajiet li tipprovdi Malta u dwar l-uniċità tagħha mhux biss bħala post fejn wieħed jagħmel negozju iżda wkoll bħala post fejn iżżur u tesperjenza l-aqwa termini ta’ kultura, storja u kċina. Matul iż-żjara tiegħu, l-Ambaxxatur Xuereb kien akkumpanjat minn Detlef Bischoff, Konslu Onorarju ta’ Malta fl-Istat Ħieles ta’ Sassonja u Rose-Ann Buhagiar, Second Secretary u Konslu fl-Ambaxxata Maltija f’Berlin.

FacebookTwitter