Fit-78 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Malta tingħaqad ma’ forum globali ta’ stati żgħar li ħolqu diplomazija globali bis-saħħa ta’ kunsens, u b’dedikazzjoni lejn is-sistema bbażata fuq ir-regoli li n-Nazzjonijiet Magħquda (NM) tissalvagwardja. Anki fis-sala tal-’kbar’, l-istati ż-żgħar huma forza b’saħħitha u rispettata.

F’Settembru, il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela jmur lura għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħqudali se ssir f’New York. Matul Ġimgħa ta’ Livell Għoli, il-mexxejja dinjija se jpoġġu fuq quddiem tal-aġenda dinjija l-kwistjonjiet globali tat-tħejjija għall-pandemija, it-tibdil fil-klima, u r-rendikont kontinwu dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030.

Huwa f’din is-sala sagra ta’ diplomazija internazzjonali li fiha nkitbu wħud mill-kapitli ewlenin tad-dinja permezz ta’ diskorsi qatt minsija li jagħtu lill-Assemblea Ġenerali d-dehra persistenti ta’ ‘sala lokali’ tad-dinja.

Huwa hawnhekk li fl-1974, Yasser Arafat, mexxej tal-Organizzazzjoni għal-Libertà tal-Palestina, “b’fergħa taż-żebbuġ u b’arma ta’ ġellied għall-ħelsien f’idejh” indirizza lill-NM għall-ewwel darba sabiex jitwaqqaf stat Palestinjan li jinkludi Misilmin, Kristjani u Lhud. Huwa hawnhekk li l-vuċijiet tad-dinja mifnija bil-Gwerra Bierda qalgħu dak li kellhom fuq l-istonku permezz ta’ diskorsi ma jispiċċaw qatt kontra d-dinja ħielsa – bid-diskors ta’ Fidel Castro tal-1960 li dam 269 minuta, jibqa’ l-itwal wieħed qatt irrekordjat.

Imma l-Assemblea Ġenerali tan-NM hija ħafna aktar minn diskorsi u mexxejja tal-istati.

Ta’ min ifakkar li anki fid-dell ta’ dawn l-avvenimenti kruċjali fl-istorja mqanqla tan-NM u r-rwol globali li jieħdu l-poteri dinjija ewlenin, huma l-istati ż-żgħar li flimkien għandhom maġġoranza fost l-istati membri kollha tan-NM.

Huwa hawnhekk fejn stati żgħar bħal Malta u nazzjonijiet-gżejjer simili minn madwar id-dinja, jistgħu jsibu l-opportunità biex jieħdu rwol fil-kwistjonijiet globali li huma ħafna akbar mid-daqs tagħhom. Huwa għalhekk li l-multilateriżmu bbażat fuq ir-regoli li jsejjes ix-xogħol tan-NM jinkoraġġixxi lill-istati ż-żgħar biex iħallu marka akbar mid-daqs tagħhom.

Inħallu marka akbar mid-daqs tagħna

“Malta konsistentament appoġġjat il-multilateraliżmu effettiv u t-teħid konġunt ta’ deċiżjonijiet fid-dinja tal-lum. Nemmnu li approċċ konġunt lejn l-isfidi globali – bħat-tibdil fil-klima – huwa l-aktar mod effettiv biex nindirizzaw l-isfidi globali tal-lum,” qal il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Ian Borg. “Għal pajjiż bħal Malta, li biex jissopravivi jiddependi mir-rispett tal-liġi internazzjonali, in-NM tibqa’ sservi bħala raġġ ta’ tama, u l-promotur ta’ normi internazzjonali li jissalvagwardjaw l-interessi ta’ membri differenti tal-komunità internazzjonali.

“Id-dinja għandha bżonn impenn imġedded lejn il-prinċipji tal-Karta tan-NM. Matul il-Ġimgħa ta’ Livell Għoli u lil hinn, Malta, bħala stat membru dedikat, qed tħares biex iżżomm impenn qawwi lejn dan kollu.”

Fil-fatt, Malta eċċellat fid-diplomazija multilaterali mill-bidu nett li kisbet l-indipendenza fl-1964. Dan wassal biex il-vuċi tagħha titqies bħala awtorità fin-NM. Meta tqis li l-arja ta’ Malta tagħmilha l-iżgħar membru tan-NM, il-proposta tal-1967 lill-Assemblea Ġenerali tan-NM biex tiddikjara r-riżorsi tal-oċeani bħala “l-wirt komuni tal-bniedem” li jmorru lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali, kienet waħda kuraġġuża. Malta impenjat ruħha għal deċennji sħaħ lejn il-Liġi tal-Baħar, trattat radikali, biex permezz tiegħu tassigura l-użu paċifiku u t-tqassim tal-ġid marittimu. Il-proċess ta’ negozjar tal-Konvenzjoni tan-NM dwar il-Liġi tal-Baħar, li daħlet fis-seħħ fl-1994 u li llum ġiet irratifikata minn 165 stat, kienet imbuttata minn stati marittimi żgħar, b’Malta, Singapore, Fiġi u New Zealand ikollhom irwol sinifikanti f’dan kollu.

Huwa għal din ir-raġuni li stati żgħar, mingħajr poter ekonomiku jew militari, jivvalutaw is-sistema tan-NM li tħares l-istat tad-dritt internazzjonali. Stati żgħar, permezz tal-għadd kbir tagħhom u l-approċċ komuni li jieħdu lejn id-diplomazija, iqisu ta’ valur għoli s-sistema internazzjonali li tissalvagwardjahom, u huwa hawn fin-NM biss li jistgħu jinvolvu ruħhom f’ħolqien ta’ kunsens u relazzjonijiet bilaterali effettivi ma’ nazzjonijiet imbiegħda.

Il-prijoritajiet ta’ Malta matul il-Ġimgħa ta’ Livell Għoli

Waqt li Malta tħejji ruħha għat-78 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NM, jinżel is-siparju għal Ġimgħa ta’ Livell Għoli u Dibattitu Ġenerali li se jsiru fid-19 ta’ Settembru. Fihom se jiġu diskussi l-kwistjonijiet tas-saħħa globali, it-tibdil fil-klima u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.

Imma matul il-Ġimgħa ta’ Livell Għoli, Malta se tkun qiegħda wkoll tipprijoritizza s-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza tal-Istati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw (SIDS), u l-viċinat tagħha tan-Nofsinhar.

Il-Prim Ministru Robert Abela se jkun akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg. Minbarra laqgħat bilaterali li jsiru fil-marġini tal-avvenimenti ewlenin, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin se jkun qed jiffoka wkoll fuq ir-riżorsi politiċi u ekonomiċi tiegħu dwar kwistjonijiet ewlenin li huma kruċjali għall-paċi reġjonali u globali, is-sigurtà u l-prosperità.

Is-sigurtà tal-ikel hija waħda mit-tliet kwistjonijiet ewlenin li Malta se tkun qed tressaq ‘il quddiem matul il-Ġimgħa ta’ Livell Għoli. Waqt il-kriżi kurrenti ta’ sigurtà tal-ikel, Malta se ssejjaħ għal azzjoni deċiżiva biex tindirizza l-affordabbiltà u d-disponibbiltà tal-ikel. Meta tqis il-vulnerabbiltajiet intrinsiċi ta’ Malta bħala stat-gżira żgħir, is-soluzzjonijiet għall-kriżi għandhom ikunu multidimensjonali, li jiffokaw fuq il-kapaċitajiet dejjem jikbru ta’ produzzjoni lokali permezz ta’ investiment f’agrikoltura u soluzzjonijiet bijoloġiċi sostenibbli, waqt li jissalvagwardjaw il-ktajjen tal-provvista tal-ikel sostenibbli, reżiljenti u nutrittivi li jimminimizzaw it-tfixkil.

F’forum ieħor li l-istatus ta’ Malta bħala stat żgħir jippermettilha li tkun minn ta’ quddiem, in-nazzjon-gżira se tibqa’ tiġġieled għall-Istati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw (SIDS) u toħloq kuxejnza dwar il-vulnerabbiltajiet uniċi ta’ stati żgħar li qegħdin jiffaċċjaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima. Wara l-inizjattiva ‘Gżira għall-Gżejjer’ imnedija fil-COP26, Malta, permezz tal-qsim tal-informazzjoni u l-aħjar prattika tibqa’ toħloq sħubijiet sinifikanti u effettivi bil-għan li ttejjeb ir-reżiljenza tas-SIDS. Fil-kontroreplika għall-prijorità ta’ Malta fuq is-sigurtà tal-ikel, bħala nazzjon Mediterranju fil-viċinat tan-Nofsinhar, dan jibqa’ fuq quddiem tal-aġenda internazzjonali tagħha.

“Malta mħassba dwar l-impatt qawwi li l-insigurtà tal-ikel, l-inflazzjoni u l-ispejjeż dejjem telgħin għal bżonnijiet bażiċi qed iħallu fuq l-għajxien u l-benessri tal-poplu fir-reġjun tal-Mediterran,” qal il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Ian Borg.

“Malta temmen li l-prevenzjoni tal-kunflitt, il-ħolqien mill-ġdid ta’ istituzzjonijiet, u l-parteċipazzjoni tal-membri kollha fis-soċjetà huma kruċjali biex jiġu assigurati l-paċi, l-istabbiltà, u l-prosperità ekonomika.”

Illum, aktar minn qatt qabel, waqt li d-dinja qed tfittex biex tindirizza sfidi bla għadd, għandha bżonn ta’ ordni internazzjonali taħdem tajjeb u bbażata fuq ir-regoli,  bin-NM effettiva fil-qalba tagħha. Huwa għalhekk li Malta tappoġġja bi sħiħ l-isforzi għar-riformi tan-NM mmexxija mis-Segretarju Ġenerali tagħha, li jinkludu t-twettiq ta’ rakkomandazzjonijiet mir-rapport tiegħu “L-Aġenda Komuni Tagħna” li ħareġ f’Settembru tal-2021.

Il-klima, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u s-saħħa globali fl-Assemblea Ġenerali tan-NM

Sena mindu s-Segretarju Ġenerali tan-NM António Guterres fetaħ l-Assemblea Ġenerali tan-NM preċedenti bil-messaġġ jaqta’ fil-laħam il-ħaj – “Id-dinja tagħna hija fil-periklu, u pparalizzata” – id-dinja għadha trid tegħleb it-tensjonijiet ġeopolitiċi li jżommu l-paċi globali ‘l bogħod. Prinċiparjamet, il-gwerra fl-Ukrajna għadha taqbad, u d-dinja qed tħares lejn l-effetti li l-invażjoni Russa ħalliet fuq il-provvista globali tal-ikel u l-fjuwils.

Huwa għalhekk li l-prijoritajiet ta’ Malta matul il-Ġimgħa ta’ Livell Għoli jmissu l-problemi li nħolqu lil hinn mill-fruntieri tal-gwerra fl-Ukrajna – is-sigurtà tal-ikel, it-tibdil fil-klima, u l-prevenzjoni tal-kunflitt.

Malta se jkollha wkoll irwol fi tliet laqgħat ta’ livell għoli li se jitlaqqgħu dwar is-saħħa globali li fihom mexxejja dinjija se jimpenjaw ruħhom mill-ġdid biex itemmu t-tuberkolożi (TB), jiksbu kopertura tas-saħħa universali (UHC), u jsaħħu l-prevenzjoni, it-tħejjia u r-rispons għall-pandemija. Malta mistennija li tieħu rwol ċentrali f’dawn it-tliet laqgħat, minħabba li kienet involuta b’mod attiv fin-negozjati tad-dikjarazzjonijiet politiċi mistennija li jiġu addottati. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne huwa kopresident għad-diskussjoni tal-panel dwar is-saħħa u l-benessri ta’ dinja wara l-COVID.

Kwistjoni ewlenija oħra għal din is-sessjoni ta’ Ġimgħa ta’ Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NM se tkun is-Summit tal-Ambizzjoni tal-Klima tal-20 ta’ Settembru, li fih gvernijiet, negozji, bliet u reġjuni, soċjetajiet ċivili, u finanzjarji, se jiltaqgħu biex jipproponu azzjoni għall-klima ġdida, tanġibbli u kredibbli li tista’ taċċellera l-pass għal addattament u mitigazzjoni.

Interlokoturi differenti se jħabbru passi ewlenin li jridu jittieħdu, b’enfażi fuq ambizzjoni, kredibbiltà u twettiq: ambizzjoni, speċjalment għal gvernijiet bl-ogħla emissjonijiet, kredibbiltà mmirata għal mexxejja fil-finanzi u l-bliet, u twettiq, bil-għan li jintwerew sħubijiet eżistenti u emerġenti biex jaċċelleraw dekarbonizzazzjoni f’setturi b’emissjonijiet għolja bħal dawk tal-enerġija u t-tbaħħir jew li jinkiseb progress fil-ġustizzja klimatika, permezz ta’ sistemi ta’ avviż minn kmieni u finanzjament tal-addattament fost oħrajn. Fil-qalba tal-Ġimgħa ta’ Livell Għoli se jkun hemm is-Summit tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2023, li se jsir fit-18 u d-19 ta’ Settembru. Is-summit, f’kuntest ta’ diffikultajiet kontinwi maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, għandu l-għan li jippromwovi fażi ġdida ta’ progress aċċellerat lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Issa li l-komunità internazzjonali tinsab f’nofs triq għall-iskadenza tal-2030 imwaqqfa biex tilħaq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostennibli, huma meħtieġa sforzi akbar jekk il-pajjiżi – fosthom dawk l-anqas żviluppati – iridu jilħqu l-miri stabbiliti.

FacebookTwitter
affarijiet barranin
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.