Diversi aspetti mill-ħajja tan-nisa tas-seklu 18 ġew iddokumentati mill-istorika Yosanne Vella. Dawn jiftħu tant twieqi fuq ħajjet in-nisa ta’ dak iż-żmien, fosthom ix-xogħol li kienu jagħmlu, l-involviment tagħhom fir-reliġjon u s-seħer, kif ukoll it-tlaqqigħ tagħhom ma’ membri oħra tas-soċjetà, atti kriminali li wettqu u atti kriminali li sfaw vittmi tagħhom. Hawnhekk nippreżentaw sitt stejjer minn dokumenti mill-qorti u dawk amministrattivi tal-epoka.

Lejn l-aħħar snin tad-dominanza storika tal-Kavallieri fuq Malta, in-nisa ma kinux ekonomikament sedentarji. Reġistri kkonsultati mill-istorika Vella, jiżvelaw li minn 829 permess tal-ħwienet, għadd konsiderevoli minnhom, eżattament 199, kienu mmexxija minn nisa.

Matul is-seklu 18, waqt li żwieġhom jew missierhom kienu jkunu qegħdin fuq il-baħar jagħmluha ta’ kursara jisirqu l-bastimenti Musulmani, in-nisa kienu jkunu jaħdmu f’taverni tal-inbid flimkien ma’ membri oħra tal-familja – f’dan is-seklu l-piraterija liċenzjata kienet it-tieni l-aktar xogħol importanti għall-Maltin wara l-agrikoltura.

Kif juru dawn is-sitt stejjer li ġejjin, in-nisa ma kinux membri passivi tas-soċjetà, imma kellhom diversi rwolijiet fil-ħajja tas-soċjetà kalejdoskopika tas-seklu 18.

Sħaħar

L-Arkivji tal-Inkwiżitur huma mimlija b’każijiet ta’ nisa akkużati b’seħer, it-tħejjija ta’ duwi ta’ mħabba, fwejjaħ maġiċi jew stqarrijiet li jfejqu bis-seħer. Madankollu, huma ftit il-każijiet li jsemmu speċifikament ix-’Xitan’. Fl-1749, Andrea Schembri, raġel min-Naxxar, irrapporta mara li kienet f’daru biex tfejjaq lil martu marida: huwa allega li sema’ lill-armla Maria Gusman issefses għal tliet darbiet: “Xitan, fejjaq dan il-ġisem u mbagħad ħu r-ruħ.” Fl-istess sena, Gusman ammettiet quddiem l-Inkwiżitur li għaxar snin qabel, bħala tifla żgħira sejħet personalment għax-xitan.

Duwa ta’ mħabba mill-Mandraġġ

F’każ ieħor mill-1721, iż-żewġt aħwa Maddalena u Anna, flimkien mal-ħabiba tagħhom Catherine, ammettew li ħalltu duwa maġika ta’ melħ, faħam, weraq tal-palm u taż-żebbuġ, nar u ilma bil-għan li din tagħmilhom aktar attraenti u jiġbdu l-għajn. Qalu li d-duwa ħolquha ma’ Grattia, mara ta’ 60 sena minn Ħaż-Żebbuġ li kienet tgħix il-Mandraġġ, il-Belt Valletta, li stqarret magħhom li kellha l-approvazzjoni tal-Knisja għal din id-duwa.

Nisa li jfejqu

Fl-1715, Grattia Farrugia minn Ħal Qormi li kienet magħrufa bħala mara li tfejjaq, ippruvat tfejjaq l-uġigħ f’għonq Anna Grech – li kien ikkawżat minn xejn inqas minn tumur – billi għalliet weraq tal-palm u ż-żebbuġ ma’ biċċiet tal-injam ta’ xkupa fl-ilma fuq in-nar. Poġġiet it-taħlita fuq Anna waqt li sejħet il-Passjoni ta’ Kristu u t-Trinità Mqaddsa. Qabel ramiet il-likwidu fuq in-nar, staqsiet liz-zija ta’ Anna, Francesca, biex tħares profondament fih u tara jekk tistax tara l-wiċċ ta’ xi ħadd li taf. Grattia twissiet diversi drabi biex tieqaf tuża l-kura msaħħra tagħha, sakemm fl-1749 ġiet mitfugħa l-ħabs mill-Qorti tal-Isqof.

Nisa fil-kriminalità

Naturalment, in-nisa kienu wkoll implikati fil-kriminalità, u wrew sengħa u makakkerija kbira daqs sħabhom l-irġiel. Fl-1744, permezz ta’ ingann pjuttost elaborat, ċertu Paula Demicoli rnexxielha tisraq diversi oġġetti minn Thomas Mifsud minn Bormla: speċifikament erba’ bsaten, kalzetti tas-satin ta’ diversi kuluri tan-nisa u l-irġiel, gverta Indjana, liżar abjad irrakkmat, 13-il beritta Maltija tal-qoton, żewġ biċċiet ta’ purtiera Indjana u qatgħa minn purtiera li tiddendel fuq is-sodda magħmula minn suf aħdar. Meta Thomas Mifsud induna bis-serqa li Demicoli ażżardat tagħmel, fetaħ każ biex treġġa’ lura dak kollu li ‘akkwistat’.

Vittmi ta’ kriminalità

Dokumenti tal-qorti tas-seklu 18 dwar investigazzjonijiet ta’ stupru, jiżvelaw kif vittmi nisa kienu jitqiesu bħala nisa “li tilfu l-innoċenza tagħhom”. Ħafna drabi, l-istupratur kien ikun ġar, għarus jew xi qarib. Xi nisa kienu jiġu pperswaduti jikkollaboraw b’wegħdi ta’ żwieġ, bħal ċertu Catherine Frendo, li wara lmentat li r-raġel ma żammx il-wegħda tiegħu. Iżda mhux in-nisa kollha kienu jaqblu li jiżżewġu lil min stuprahom anke jekk dan kien ikun irid: fl-1705, ċertu Giovanni Maria minn Ħal Qormi stqarr quddiem il-qorti li stupra lil Gratia Psaila għax kien jaf li wara hi ma tkun tista’ tiżżewweġ lil ħadd ieħor barra lilu iżda Gratia xorta waħda rrifjutat tiżżewġu.

Kavallieri u namrati

Waqt li l-Kavallieri tal-Ordni kienu mistennija li jżommu ċ-ċelibat, ma kienx rari li l-Kavallieri, li kienu jgawdu minn rank elitista, kien ikollhom relazzjonijiet illeċti ma’ nisa. Daqstant ieħor kien veru li n-nisa kienu konxji li jekk jiġbdu l-attenzjoni mhux mixtieqa tal-Kavellieri, kienu jidħlu f’skandlu soċjali. Fl-1723, ċertu Maria Dwieli ġiet avviċinata minn Kavallier tal-Lingwa Franċiża waqt li kienet qed titlob fuq l-altar tal-Knisja ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta: il-Kavallier talabha biex iżżur daru. Maria biddlet il-knisja fejn kienet tiffrekwenta biex tevita l-avvanzi tal-Kavallier, imma l-persistenza tiegħu wasslitha biex tirrapporta lill-Inkwiżitur, minħabba li beżgħet li r-reputazzjoni tagħha titħammeġ u b’hekk titgħarrqilha l-possibbiltà ta’ żwieġ tajjeb.

Sors: Women In 18th Century Malta, Yosanne Vella (SKS)

FacebookTwitter
affarijiet barranin
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.