Tliet snin wara li kisbet l-indipendenza, Malta ressqet proposta kuraġġuża lill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda: liġi li kellha tieħu r-rwol ta’ ‘Kostituzzjoni tal-Oċeani’, il-ħolqien ta’ viżjonarju – Arvid Pardo. Imma kellhom jgħaddu 27 sena mill-indirizz storiku ta’ Pardo sakemm l-UNCLOS finalment għaddiet bħala liġi internazzjonali

Qabelxejn kienet proposta ta’ paċi mill-gżejjer Maltin indipendenti friski lill-Ġnus Magħquda: diskors profetiku f’Novembru tal-1967 mir-rappreżentant permanenti ta’ Malta Arvid Pardo lill-Assemblea Ġenerali, biex jiġu kkunsidrati r-riżorsi tal-oċeani lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali tagħhom bħala “l-wirt komuni tal-bniedem.”

Imma din it-talba għal ordni legali internazzjonali għall-baħar ma sabitx ma wiċċha xkiel wieħed jew tnejn biss. Saħansitra, maż-żmien “il-Missier tal-Liġi tal-Konferenza” nnifsu irrealizza li l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ma wasslitx għall-għan imwiegħed, li tgħin lin-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw biex igawdu mill-prosperità tal-wirt marittimu tal-bniedem.

Meta tqis li fl-1967 Malta, skont l-arja tagħha, kienet l-iżgħar membru tal-Ġnus Magħquda, il-proposta kienet ċertament waħda kuraġġuża: trattat radikali li assigura l-użu u l-qsim paċifiku dinji tal-ġid marittimu.

Imwieled fl-1914, iben omm Żvediża u missier Malti, Arvid Pardo trabba fl-Italja u kiseb lawriji fl-istorja u l-liġi mill-Università ta’ Tours fi Franza. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, kien membru tar-Reżistenza Taljana, imma bejn l-1940 u l-1945 inqabad u ntbagħat il-ħabs kemm-il darba. Fl-aħħar kien irnexxielu jimxi sal-linji tal-alleati, u eventwalment wasal Londra.

Fid-diskors imqanqal tiegħu lill-Assemblea Ġenerali dwar Liġi tal-Baħar, talab biex l-oċeani dinjija jiġu kkunsidrati bħala “l-wirt komuni tal-bniedem.” Dan kien infurmat mill-iżviluppi ekonomiċi tas-seklu 20, speċjalment permezz tal-avvanzi teknoloġiċi ta’ tħaffir fil-baħar fond għall-minerali. Pardo staqsa min għandu jiggwadanja mill-minjieri: id-diplomatiku argumenta li għandhom ikunu l-pajjiżi l-inqas żviluppati li għandhom ikunu minn ta’ quddiem.

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1958 tat lill-istati kostali d-dritt sovran li jesplojtaw u jesploraw ir-riżorsi tal-blata kontinentali sa fond ta’ 200 metru jew anqas; imma Pardo induna li dan qed jivvantaġġja pajjiżi avvanzati teknoloġikament, li għandhom il-kapaċità jesplojtaw dawn ir-riżorsi.

Pardo kien inkwetat li r-reġim laissez-faire fl-ibħra miftuħa qed iwassal għal esplojtazzjoni inġusta ta’ riżorsi naturali, li twassal għal twessigħ tad-distakk bejn it-Tramuntana sinjura u n-Nofsinhar fqir, u li tiffavorixxi lill-pajjiżi teknoloġikament avvanzati. Pardo emmen li minn din l-esplojtazzjoni għandhom ikunu n-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw li jibbenifikaw l-ewwel minnha, u mexxa ’l quddiem in-nozzjoni li ebda stat ma għandu jagħmel tiegħu riżorsi naturali bħal dawn “għax dawn jappartjenu lill-umanità kollha, dawk ħajjin kif ukoll dawk li għadhom se jitwieldu.”

Pardo nnifsu bassar li ħafna membri stati tal-Ġnus Magħquda, speċjalment dawk l-aktar industrijalizzati se jsibuha bi tqila biex jabbandunaw il-libertajiet li qisuhom bi dritt biex jesplojtaw qiegħ il-baħar. Fil-fatt, sakemm fl-1982 l-UNCLOS infetħet għall-firem, il-konċezzjoni ta’ Pardo kif fehemha hu ta’ wirt komuni tal-bniedem, tħalliet barra mill-abbozz finali.

Għad-diżappunt ta’ Pardo, sakemm fl-1994 l-UNCLOS ġiet immodifikata biex twaqqaf l-istaġnar tagħha min-nazzjonijiet żviluppati, il-kunċett ta’ wirt komuni tal-bniedem inbidel għal esplojtazzjoni ħielsa tal-ispazju komuni. “Probabbilment dan hu l-aktar trattat inekwu li qatt ġie ffirmat fid-dinja,” kien ġa qal fl-1981. Madankollu, appoġġja t-trattat kif abbozzat minħabba li xorta żamm l-idea ta’ negozjar globali u l-ġestjoni kooperattiva tar-riżorsi tal-ibħra.

Dak li fl-1971 beda bħala odissea għall-Ġnus Magħquda biex tabbozza kostituzzjoni għall-oċeani tad-dinja, ġie finalment irratifikat fl-1994 bl-appoġġ meħtieġ ta’ 60 nazzjon. Imma kienet il-viżjoni ta’ Pardo u l-inizjattiva ta’ Malta li stabbilixxew is-sisien sodi għall-UNCLOS – tant kien influwenti r-rwol tad-diplomatiku Malta li jpoġġi l-oċeani fuq l-aġenda globali, li llum huwa magħruf bħala “l-Missier tal-Liġi tal-Konferenza.” Il-Liġi tal-Baħar se tiġi tradotta għall-Malti għall-ewwel darba dalwaqt!

FacebookTwitter