Togħmitha intimitabbli b’dewqa ta’ larinġ, ħelwa-morra u b’lewn safrani-kannella tagħmilha Maltija distinta. Ilha x-xarba favorita li taqta’ l-għatx tal-gżira għal 50 sena. Niċċelebraw dan il-prodott Malti l-aktar ikoniku – il-Kinnie

Ma jista’ jkun hemm xejn aktar sinonimu ma’ xarba Maltija li taqta’ l-għatx mill-Kinnie – xarba magħmula minn larinġ qares u taħlita ta’ ħwawar sigrieti li l-istatus leġġendarju tagħha huwa ikoniku daqs it-Twistees u l-pastizzi.

Illum, din ix-xarba daqskemm antika kbira, tikklasifika ruħha fost l-aktar ħwejjeġ favoriti ta’ kull dar Maltija, waqt li fiha nnifisha għandha żmien daqs l-istorja tal-iżvilupp tal-industrija Maltija.

Prodotta mill-Birrerija ta’ Farsons fiż-żmien tal-inkorporazzjoni tagħha bħala Simonds Farsons Cisk, din ix-xarba saret rival tal-chinotto Taljan u l-kolas tradizzjonali Amerikani, mhux biss billi rebħet qlub il-Maltin, imma anke l-palat tagħhom.

Ċertament li l-kredtu għal dan għandu jingħata lir-raġel li sar sinonimu ma’ isem Farsons – Anthony Miceli Farrugia – apprentist fil-qasam tal-accounts tal-kumpanija ta’ zijuh – L. Farrugia & Son, sid il-birrerija ta’ Farsons.

Fl-1951, bħala maniġer tar-reklamar, Miceli Farrugia kien Milan ma zijuh, Luigi ‘Ġiġi’ Farrugia, jgħarrex għal ditta ġdida tax-xorb.

L-imprendituri kienu qed jittamaw li jsibu prodott li jista’ jsir xarba mhux alkoħolika li jattira lis-suq tal-massa, u li jista’ jiġi kkumerċjalizzat minn Simonds Farsons Cisk – l-inkorporazzjoni riċenti bejn Farsons u l-produtturi taċ-Cisk Lager, il-Malta Export Brewery.

Waqt li Ġiġi kien telaq minn Milan biex jattendi għal laqgħa ta’ negozju max-Schweppes f’Londra, Miceli Farrugia fittex ditta li tista’ tissupplixxih bl-essenzi ta’ xarba mhux alkoħolika ħelwa-morra. Il-formula tiegħu kienet ċara ħafna: “Il-palat tal-Maltin kien aktar ixaqleb lejn dan it-tip, milli lejn xi ħaġa ħelwa bħall-kola jew il-chinotto Taljan.”

Miceli Farrugia żar għadd ta’ ditti Taljani jeżebixxu ż-żjut essenzjali u l-essenzi aromatiċi tagħhom fil-Fiera Internazzjonali ta’ Milan: bit-talba tiegħu tkun għal essenza “b’togħma ta’ vermut ħafif bħall-Punt e Mes jew il-Campari.”

Lura f’Malta, fost tliet kampjuni, kienet l-essenza ta’ Paolo Salamina li ffurmat il-bażi ta’ din ix-xarba ġdida Maltija, togħma ta’ frott, ħelwa-morra b’lewn safrani-kannella. L-ispiżjar Augustus Gandini żviluppa x-xarba morra kkarbonata b’dewqa ta’ larinġ – togħma li ppruvat ruħha bħala waħda eħfef, b’dewqa aktar b’saħħitha ta’ frott minn dik tal-chinotto.

Kien Ġiġi Farrugia li għażel l-isem ‘Kinnie’ – isem faċilment pronunzjabbli għall-Maltin, it-Taljani u l-Ingliżi. Kien dan li wassal għat-twelid tal-Kinnie fl-1952, fost kompetizzjoni iebsa mill-Coca-Cola u l-Pepsi, is-Seven-Up, il-Kitty Cola u x-Schweppes Orangeora.

F’sentejn,  il-Kinnie akkwistat terz tas-suq, kaxkret ditti rivali bħal-Chinotto Nero u saret xarba ewlenija li taqta’ l-għatx kif ukoll biex tintuża bħala taħlita ma’ xorb ieħor bħall-Coca-Cola u s-Seven-Up. Fl-1975, saret ix-xarba mhux alkoħolika tas-sena tal-Comité International d’Action Gastronomique et Touristique ta’ Franza. Il-verżjoni tad-dieta tagħha dehret ftit anqas minn għaxar snin wara, fl-1984.

Aktar ’il quddiem, fl-2007, verzjoni ġdida tal-Kinnie b’anqas kaloriji – il-Kinnie Zest – daħlet fis-suq b’dewqa aktar qawwija ta’ larinġ, u fl-2014, il-Kinnie Vita, verżjoni b’taħlita ta’ zokkor u estratt tal-werqa stevia.

Mid-disgħinijiet ’l hawn, il-Kinnie ġiet ikkumerċjalizzata internazzjonalment ma’ komunitajiet kbar ta’ emigranti Maltin madwar id-dinja, fosthom fir-Renju Unit, il-Kanada u l-Awstralja, fejn hija prodotta mill-Maltese Beverages Pty taħt liċenzja mogħtija minn Farsons. Ix-xarba ġiet ukoll esportata lejn swieq oħra bħalma huma l-Italja, il-Ġermanja, il-Polonja, l-Olanda, u l-Libja.

Ħamsin sena wara, il-Kinnie baqgħet parti integrali mill-kultura u l-kċina Maltina, isservi bħala taħlita għar-rum jew il-vodka, u llum mill-2021 ’l hawn tinstab ukoll bħala xarba alkoħolika bl-isem Kinnie Spritz.

FacebookTwitter
affarijiet barranin
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.