Fil-11 ta’ Lulju 2025, l-Eċċellenza Tiegħu l-Prof. Lino Bianco, Ambaxxatur tar-Repubblika ta’ Malta għall-Bosnja-Ħerzegovina, attenda f’isem l-Onor. Dr Ian Borg, Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, iċ-ċerimonja għall-kommemorazzjoni tat-30 anniversarju ta’ Srebrenica, fejn f’Lulju 1995, matul il-Gwerra tal-Bosnja, inqatlu aktar minn 8,000 raġel u tifel Musulman Bosnjaku fil-belt ta’ Srebrenica u madwarha.
Il-kommemorazzjoni saret fiċ-Ċentru Memorjali f’Potočari u attendewha l-familji tal-vittmi u għadd ta’ dinjitarji tal-Unjoni Ewropea, inkluż António Costa, President tal-Kunsill Ewropew, u Marta Kos, Kummissarju Ewropew għat-Tkabbir, u kif ukoll Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, inkluż Natasa Pirc Musar, President tar-Repubblika tas-Slovenja, Andrej Plenkovic, Prim Ministru tar-Repubblika tal-Kroazja, u Albin Kurti, Prim Ministru tar-Repubblika tal-Kosovo.
Fil-kommemorazzjoni, l-Ambaxxatur Bianco ffirma l-Ktieb tal-Kondoljanzi u daħħal id-dikjarazzjoni: “F’isem il-Gvern tar-Repubblika ta’ Malta, fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tat-tifkira ta’ Srebrenica, nixtieq nonora l-memorja tal-vittmi, nuri solidarjeta mas-superstiti, u nafferma mill-ġdid l-impenn kollettiv għall-verità, il-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni. Il-wirt ta’ Srebrenica huwa tfakkira profonda tal-konsegwenzi tal-mibegħda u l-importanza li jiġu ppreservati d-dinjità umana u l-paċi kif ikkonfermat mill-adozzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tar-riżoluzzjoni li tipproklama l-11 ta’ Lulju bħala l-Jum Internazzjonali ta’ Riflessjoni u Kommemorazzjoni”.

