Id-Direttorat Ġenerali jiżgura li jiġu milħuqa l-għanijiet tal-politika barranija ta’ Malta dwar kwistjonijiet bilaterali u reġjonali. Dan iseħħ ukoll permezz ta’ parteċipazzjoni attiva fil-Politika Esterna u ta’ Sigurtà Komuni (CFSP) tal-Unjoni Ewropea kif ukoll f’fora oħra. Ix-xogħol tad-DĠ jinkludi l-preparazzjoni tal-pożizzjonijiet u l-interventi fil-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (FAC) u fi istrutturi oħra tal-Kunsill, inklużi laqgħat ta’ Gruppi ta’ Ħidma varji. Id-DĠ huwa maqsum fi tlett Direttorati: Direttorat għall-Mediterran u l-Golf, Direttorat għall-Affarijiet Esterni u Direttorat għall-Affarijiet Ewropej
Direttorat għall-Mediterran u l-Golf
Id-Direttorat għall-Mediterran u l-Golf fi ħdan l-Ufficju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu għandu rwol ewlieni fit-tmexxija u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet diplomatiċi u strateġiċi ta’ Malta mal-pajjiżi fil-Mediterran, l-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Golf. Id-direttorat huwa responsabbli biex jippromwovi koperazzjoni bilaterali permezz ta’ djalogu politiku kif ukoll diskussjonijiet dwar is-sigurtà reġjonali. Jikkontribwixxi wkoll għall-formulazzjoni tal-politika barranija ta’ Malta billi jiżgura li l-interessi tal-pajjiż jiġu rrappreżentati b’mod effettiv f’dawn ir-reġjuni ta’ importanza ġeopolitika.
Minbarra l-impenn diplomatiku, id-Direttorat jappoġġja inizjattivi li jippromwovu l-kummerċ, l-iskambju kulturali, sħubijiet ekonomiċi u żvilupp sostenibbli. Jaħdem mill-qrib mal-ambaxxati u l-konsulati Maltin fir-reġjun, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u fora reġjonali bħall-Unjoni għall-Mediterran, il-5+5 u l-Fondazzjoni Anna Lindh. Permezz tal-isforzi tiegħu, id-Direttorat jgħin biex ipoġġi lil Malta bħala pont bejn l-Ewropa u l-ġirien tan-Nofsinhar tagħha, u jsaħħaħ ir-rwol tagħha bħala attur proattiv u kostruttiv fl-affarijiet reġjonali.
Direttorat għall-Affarijiet Esterni
B’konformità mal-għan strateġiku tal-Ministeru li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali, id-Direttorat għall-Affarijiet Esterni huwa responsabbli għall-koordinazzjoni ta’ impenn bilaterali, il-promozzjoni ta’ djalogu politiku, u l-avvanz tal-għanijiet tal-politika barranija ta’ Malta fl-Afrika, l-Asja u l-pajjiżi fil-kontinenti Amerikani. Dan jiżgura wkoll li l-vuċi ta’ Malta tkun irrappreżentata f’organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bbażati f’dawn iż-żoni, bħall-Unjoni Afrikana u l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.
Direttorat għall-Affarijiet Ewropej
Id-Direttorat għall-Affarijiet Ewropej imexxi r-relazzjonijiet bilaterali ġenerali ta’ Malta mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Huwa wkoll responsabbli għar-rabtiet ta’ Malta mal-Albanija, Andorra, Bosnja u Ħerzegovina, lil-Maċedonja ta’ Fuq, l-Iżlanda, il-Kosovo, il-Liechtenstein, Monako, il-Montenegro, in-Norveġja, San Marino, is-Serbja, l-Iżvizzera u t-Turkija kif ukoll mas-Santa Sede u l-Ordni Militari Sovran ta-Kavallieri ta’ San Gwann ta’ Ġerusalemm, Rodi u Malta.
L-għan ewlieni ta’ dan id-Direttorat huwa li joħloq, iżomm u jtejjeb ir-rabtiet sodi u ta’ benefiċċju reċiproku ma’ dawn il-pajjiżi kollha. L-irwol tiegħu hu li jifformula u jikkoordina l-politika nazzjonali fir-rigward tagħhom sabiex l-interessi ta’ Malta jiġu protetti waqt li r-relazzjonijiet tagħha mal-ġirien Ewropej jinżammu fl-aħjar livell possibbli. Id-Direttorat jamministra wkoll żjarat uffiċjali ta’ livell għoli lejn u minn pajjiżi Ewropej msieħba, filwaqt li jikkoordina u jgħin fl-organizzazzjoni tagħhom kif meħtieġ.
Xogħol ewlieni tad-Direttorat għall-Affarijiet Ewropej huma inizjattivi bilaterali Ewropej tal-Ministeru, fejn jiġu promossi skambji reċiproċi vantaġġużi fil-livelli kollha u jgħin sabiex jiġu fis-seħħ ftehiem li jirregolaw kwistjonijiet ta’ importanza għall-poplu ta’ Malta u dawk ta’ interlokuturi Ewropej tagħha.
Ir-relazzjonijiet mal-istati tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll il-perspettiva tal-UE tagħhom għal dawk il-pajjizi li għadhom ma fetħux in-negozjati, jaqgħu wkoll fi ħdan il-kompetenza ta’ dan id-Direttorat.

