​Il-Ġimgħa, 8 ta’ Ġunju 2018 – Sala Pardo, Palazzo Parisio, il-Belt Valletta

Bonġu.

Bi pjaċir kbir nilqagħkom fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Oċeani. Il-Jum Dinji tal-Oċeani huwa ċelebrazzjoni li ssir madwar id-dinja kollha, proprju fit-8 ta’ Ġunju, b’mijiet ta’ attivitajiet li jsiru f’ħafna pajjiżi biex niċċelebraw l-ibħra tagħha.

Kif nafu lkoll, Malta hija mdawra kollha kemm hi bil-baħar – għalhekk aħna gżiraL-istorja tagħna hija marbuta – anzi, magħġuna – ma’ dik tal-baħar. Matul is-sekli ġġilidna kontra min ipprova jinvadina u konna ggvernati minn qawwiet barranin li ġew fostna bil-baħar. Sirna kolonja minħabba l-pożizzjoni strateġika tagħna f’salib it-toroq ta’ rotot prinċipali tal-baħar.

Il-baħar huwa wkoll parti integrali mill-ambjent naturali tagħna. Huwa parti minn ħajjitna nnifisha, u mill-għajxien tagħna.

Issa ġej is-sajf, u fis-sajf ilkoll inħobbu ngħaddu ġurnata l-baħar, ngħumu jew ngħodsu, jew noħorġu bejn sema u ilma fuq xi dgħajsa. Kemm nimmeraviljaw ruħna b’xi spettaklu tal-ħut ileqq jgħum taħt wiċċ il-baħar, b’xi dniefel jagħtu s-salt ’il barra mill-ilma, jew bil-granċijiet jiġru fuq il-blat! Kollha kemm aħna nħobbu nsibu x-xtut tagħna ndaf.

U xi ngħidu għal dawk li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-baħar? Insemmu, pereżempju, lis-sajjieda, u lil dawk li jaħdmu fil-qasam turistiku bħal-lukandi, il-kumpaniji li jieħdu lit-turisti dawra fuq il-baħar biex jiddevertu, u ċ-ċentri tal-għads.

Il-baħar ta’ madwarna huwa mogħni b’bosta riżorsi naturali. Minn dawn ir-riżorsi nagħmlu ħafna affarijiet, li jvarjaw minn mediċini sa ġojjelli prezzjużi magħmula mill-perli u mill-korall. L-avvanzi fit-teknoloġija moderna jippermettulna nesploraw l-ibħra għal metalli prezzjużi, u nqiegħdu katusi apposta taħt l-ilma (pipelines) biex iwasslulna sorsi bżonnjużi ta’ enerġija minn postijiet ’il bogħod.

Mal-mogħdija taż-żmien, ir-relazzjoni tagħna mal-baħar dejjem qed tikber. Inevitabbilment, din l-attività tal-bniedem qed ikollha effetti sostanzjali fuq il-baħar u fuq dak kollu li jgħix ġo fih.

Bħala parti minn din il-kampanja ta’ informazzjoni dwar il-baħar li qed nagħmlu flimkien,  tlabnikom tiddeskrivu dak li nsibu fl-ibħra tagħna. Għadd kbir minnkom ippreżentaw stampi kkuluriti li jpaxxu l-għajnejn, li juru s-sbuħija tal-baħar tagħna u tal-kreaturi li jgħixu fih.

Ftit minnkom osservaw li hemm għadd ta’ affarijiet li qed iniġġsu l-baħar, bħal fliexken u boroż tal-plastik, xbieki tas-sajd mormija, u tixrid ta’ żejt mill-bastimenti. Kien hemm anki minn kiteb ‘Save our Oceans’.

Il-bżonn li nħarsu l-ibħra tagħna mhuwhiex xi kunċett ġdid. Ħamsin sena ilu, diplomatiku Malti, li kien jismu Arvid Pardo, introduċa inizjattiva importanti fin-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-ħarsien tal-oċeani. Huwa sostna li l-ibħra tagħna huma wirt komuni tal-umanità kollha kemm hi, u għalhekk għandhom jiġu protetti għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet tal-futur.

Minn din l-inizjattiva ta’ dan Arvid Pardo mbagħad ġew stabbiliti liġijiet internazzjonali dwar l-użu u l-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ibħra madwar id-dinja, li għadhom fis-seħħ sal-ġurnata tal-lum.

Kif għidna fil-bidu, illum huwa l-Jum Dinji tal-Oċeani – jum li fih niċċelebraw l-ibħra komuni tal-bnedmin u r-rabta tagħna mal-baħar. Dan il-jum jitfakkar kull sena biex ilkoll niftakru fl-irwol importanti li għandu l-baħar f’ħajjitna, u x’nistgħu nagħmlu biex inħarsuh.

It-tema ta’ din is-sena għall-Jum Dinji tal-Ibħra hija li ma nħallux li l-ibħra tagħna jitniġġsu bil-plastik, u li nagħmlu l-almu kollu tagħna biex l-ibħra tagħna jkunu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba.

It-tniġġis tal-baħar mill-plastik huwa problema kbira. Kull sena, aktar minn tmien miljun tunnellata plastik tispiċċa fil-baħar.

Dan joħloq problemi kbar għall-kreaturi li jgħixu fil-baħar, għas-sajd, u għat-turiżmu. Il-kreaturi li jgħixu fil-baħar jibilgħu il-biċċiet tal-plastik għax jaħsbuhom ikel, filwaqt li oħrajn jinqabdu fih, jifggħu, u jmutu. Barra minn hekk, meta l-ħut jiekol il-plastik, u aħna nieklu dak il-ħut, aħna wkoll nispiċċaw nieklu minn dak l-istess plastik.

Għalhekk, huwa importanti ferm għalina lkoll li l-ibħra u l-oċeani tagħna jkunu nodfa u f’kundizzjoni tajba ta’ saħħa. Huwa f’idejn kull wieħed u waħda minnha biex nassiguraw li l-baħar ma jitniġġisx.

Ejjew nitgħallmu iktar dwar kif nistgħu nżommu l-ibħra tagħna nodfa, u nuru lil ta’ madwarna kemm dan huwa importanti.

Grazzi ħafna talli ġejtu. Nittama li tgawdu din il-wirja u nħajjarkom terġgħu terġgħu tiġu tarawha mal-familji u l-ħbieb tagħkom.

FacebookTwitter