Palazzo Parisio

Palazzo Parisio

Fil-bidu ta’ triq il-Merkanti jew Strada San Giacomo hekk kif kienet imsejħa fi żmien il-ħakma tal-Ordni tal-Kavallieri, jinsab Palazzo Parisio fejn illum wieħed isib il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

L-art fejn illum jinsab il-Palazz kienet oriġinarjament maqsuma f’żewġt idjar okkupata mis-sidien il-Kavallier Michael Fonterme de la Chiesa u Francesco This. Il-bini kien mixtri mill-Bali ta’ Manosca, Comm. Fra Giovanni de Ventimiglia tal-Langue De Provence. Fl-1717 iż-żewġt idjar ingħataw lil Donna Maria Sciberras tal-familja Ventimiglia.

Wara mewtha, id-djar intirtu minn binha Monsignior Domenico Sceberras, li kien l-Isqof titulari t’Epifanja. Il-bini kien jikkonsisti f’żewġt idjar tal-familja Ventimiglia li ġew imwaqqa’ u nbena l-Palazz preżenti li nsibu llum mibni fuq stil t’arkitettura klassika. Id-diżinjatur Malti Antonaci Grech magħruf bħala Naċi iddiżinja il-ħitan tal-Palazz. L-isqof Monsignior Domenico Sceberras miet fil-25 ta’ Ġunju 1744 u l-propjetà waqgħet f’idejn oħtu, Donna Margerit Muscat.

Fl-1796 Malta waqgħet taħt il-ħakma Franċiża u l-propjetarju tal-Palazz ta’ dak iż-żmien kien il-Kavallier Paolo Parisio Muscati. Napuljan Bonaparte niżel Malta fit-12 ta’ Ġunju 1798 u ħa taħt idejh il-Palazz bħala kwartieri Franċiżi fejn hu maħsub li nħataf minn idejn il-propjetarju il-kavallier Parisio jew li ġie mogħti minn għandu stess. Fil-waqfa tiegħu f’Malta qabel ma kompla l-vjaġġ tiegħu biex jaħkem l-Eġittu, Napuljan Bonaparte kien residenti f’dan il-Palazz mit-12 sat-18 ta’ Ġunju 1798.

Fl-20 ta’ Novembru 1800, il-Kmandant tal-espedizzjoni tal-Eġittu Sir Ralph Abercrombie wasal Malta abbord l-HMS Diadem, u bħal Napuljun kien residenti fil-Palazz sal-20 ta’ Diċembru.

Wara l-mewt tal-propjetarju, fejn wara għadda għat-titlu ta’ Sir Paolo Parisio, il-Palazz għadda minn diversi ħsarat u sidien sakemm il-Gvern ħa l-Palazz f’idejh u ġie użat bħala uffiċċju tal-Posta. Is-sular ta’ fuq tal-Palazz ġie mtella’ wara l-ewwel gwerra dinjija. Parti sostanzjali mill-Palazz sofra minn diversi ħsarat estensivi kawżati mill-bombardamenti tal-għadu matul it-tieni gwerra dinjija.

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ġie trasferit mill-Old Chancellory li kien jinsab fil-Pjazza tal-Palazz għal Palazzo Parisio f’Ottubru tal-1973.