Għajnuna konsulari ġenerali

Id-Direttorat għas-Servizzi Konsulari jista’ jitqies bħala l-vetrina tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Affarijiet Ewropej u ​l-Kummerċ (MFET), peress li huwa ‘ntiż li jagħti servizzi diretti lill-pubbliku. Bl-għajnuna ma taqta’ xejn tal-uffiċjali diplomatiċi Maltin barra minn Malta, id-Direttorat jipprovdi firxa wiesgħa ta’ għajnuniet lil individwi Maltin. Dawn ivarjaw minn għajnuna għal assistenza medika, għajnuna lil vittmi ta’ kriminalita’ u telf jew serq ta’ dokumenti tas-safar, fost l-oħrajn.
F’sitwazzjonijiet bħal dawn, id-Direttorat iservi bħala punt ta’ kuntatt bejn l-individwu li jinsab barra u l-qraba tiegħu f’Malta, billi jiffaċilità tranżazzjonijiet finanzjarji fejn meħtieġ, u f’pajjiżi fejn Malta għandha rappreżentanza diplomatika, jiżgura li fejn hu possibbli uffiċjali diplomatiċi Maltin iżuru w jgħinu lill-persuna f’diffikulta’. Id-Direttorat jgħin ukoll fit-tfittxija għal ċittadini Maltin li jkunu rrappurtati nieqsa barra minn Malta, jew jagħti tagħrif lill-qraba li jsaqsu għal din l-informazzjoni. Kull talba għal informazzjoni tiġi trattata b’mod kunfidenzjali.

 

Arrest jew detenzjoni barra minn Malta

Kull meta ċittadin Malti jkun arrestat jew tingħatalu sentenza minn qorti barranija, l-MFET ikun il-punt ta’ komunikazzjoni bejn l-individwu taħt arrest u l-qraba tiegħu f’Malta. Barra minnhekk, id-Direttorat jagħmel dak kollu possibbli fil-kompetenza tiegħu biex jiżgura li ċ-ċittadin miżmum jew ikkundanat b’sentenza ta’ ħabs mill-qorti jkollu aċċess għal rappreżentanza legali xierqa f’lingwa li jista’ jifhem.

 

Emerġenza jew sitwazzjoni ta’ kriżi

Kull meta pajjiż jew reġjun ikun affetwat minn emerġenza jew sitwazzjoni ta’ kriżi, bħal diżastru naturali jew attakk terroristiku, id-Direttorat iservi bħala punt ta’ kuntatt bejn ċittadini Maltin li setgħu inqabdu fil-kriżi u l-qraba tagħhom f’Malta. F’każijiet bħal dawn, il-Ministeru jattiva ċ-Ċentru ta’ Kriżi, mgħammar b’linji telefoniċi ta’ emerġenza biex jindirizza d-domanda tal-pubbliku. Id-Direttorat iżomm komunikazzjoni regolari, permezz tal-Ambaxxati, Kummissjonijiet Għolja u Konsulati, mal-awtoritajiet lokali fejn tkun seħħet il-kriżi u mal-iStati membri tal-UE biex jiżgura li jkun aġġornat bl-aħħar żviluppi uffiċjali dwar il-kriżi partikolari.

 

Applikazzjonijiet għall-Viża u Pariri dwar is-Safar

Id-Direttorat jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar rekwiżiti għal viża u proċeduri għall-applikazzjoni għal viża lil ċittadini Maltin. Jingħata wkoll parir dwar safar f’pajjiżi partikolari fejn ikun hemm sitwazzjonijiet politiċi instabbli jew problemi oħra li jistgħu ikunu ta’ xkiel għal persuna li tkun beħsiebha ssiefer fihom. Dawn il-pariri jiġu aġġornati regolarment u wieħed jista’ jsibhom fuq is-sit eletroniku tal-Ministeru.

 

Legalizzazzjonijiet

Id-Direttorat għandu taqsima ddedikata għal-legalizzazzjoni ta’ firem fuq dokumenti pubbliċi fil-forma ta’ Apostilles jew Legalizzazzjonijiet. Apostilles u legalizzazzjonijiet huma awtorizzazzjonijiet ċertifikati ta’ dokumenti pubbliċi jew kummerċjali li huma rikonoxxuti uffiċjalment kemm mill-pajjiż fejn jinħarġu kif ukoll mill-pajjiż fejn se jintużaw.

 

Boroż ta’ Studju

Il-Gvern Malti u l-gverninjiet ta’ pajjiżi barranin joffru numru ta’ boroż ta’ studju għal ċittadini Maltin li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom barra minn Malta. Wara li ssir notifika uffiċjali dwar il-borża ta’ studju offruta, id-Direttorat joħroġ ċirkulari uffiċjali, iqassam u jirċievi applikazzjonijiet mill-partijiet interessati, u jikkoordina l-intervisti, fejn hu applikabbli. It-taqsima responsabbli mill-boroż ta’ studju fid-Direttorat toffri wkoll gwida prattika għall-kandidati magħżula.

 

Ittri Rogatorji

Kull proċess legali li jinvolvi ġurisdizzjonijiet Maltin u barranin jeħtieġ l-assistenza tad-Direttorat għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, li permezz tal-Ambaxxati u Konsulati barra minn Malta, iservi bħala punt ewlieni ta’ kuntatt mal-awtoritajiet legali tal-pajjiż ikkonċernat.

 

Consul-on-the-Move

L-għan ewlieni tal-programm Consul-on-the Move (COTM) huwa li joffri numru ta’ servizzi konsulari li normalment jingħataw fl-Ambaxxati, Kummissjonijiet Għolja u Konsulati Ġenerali Maltin lil hinn minn xtutna. Din l-inizjattiva bdiet fl-2016 wara li fl-2008 kien imniedi l-passaport bijometriku, fejn l-applikant issa jrid imur personalment fl-Ambaxxata biex japplika għal passaport u titteħidlu l-informazzjoni bijometrika. Minbarra applikazzjonijiet tal-passaporti, is-servizzi mogħtija permezz tal-Programm COTM jinkludu applikazzjonijiet għal ċertifikati ta’ avvenimenti ewlenin tal-ħajja u għaċ-ċittadinanza Maltija. Il-Programm jikkonforma mal-politika tal-gvern li jqarreb is-servizzi tiegħu lejn iċ-ċittadin. Bħalissa s-servizz huwa offrut f’ħames pajjiżi ewlenin fejn hemm jgħixu l-akbar numru ta’ Maltin, jiġifieri: il-Kanada, l-iStati Uniti, ir-Renju Unit, l-Awstralja u New Zealand.
Id-Direttorat għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta jikkoordina ż-żjarat annwali flimkien mal-Kummissjonijiet Għolja u l-Ambaxxati fil-pajjiżi fejn jingħata dan is-servizz, kif ukoll jagħti pariri dwar ħwejjeġ oħra relatati mal-programm biex ikun żgurat li s-servizz mobbli offrut liċ-ċittadini Maltin li jgħixu barra jkun ta’ l-ogħla livell possibbli.

 

Il-Kommunitajiet ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta

Id-Direttorat għandu taqsima ddedikata speċifikament għall-Komunitajiet ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta. Din it-taqsima għandha l-għan ewlieni li tħares l-interessi taċ-ċittadini Maltin li jgħixu ‘il barra minn xtutna.

Fost il-ħidma li ssir fi ħdan din it-taqsima hemm:

  • Il-ġbir ta’ informazzjoni u pariri dwar policies relatati mad-dijaspora;
  • Jinżamm kuntatt mas-sieħba soċjali kollha li b’xi mod il-ħidma tagħhom taffetwa lill-Maltin li jgħixu barra minn Malta;
  • Jiġu analizzati b’mod regolari diversi leġislazzjonijiet lokali u Ewropej li jistgħu jaffettwaw il-ħajja tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta;
  • Konsultazzjoni, għajnuna u pariri lill-Gvern Malti fuq materji li jolqtu lid-Dijaspora Maltija;
  • Jinżamm kuntatt regolari u mill-qrib ma’ Missjonijiet Diplomatiċi Maltin;
  • Jinżamm kuntatt regolari mas-Segretarju tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta; liema Kunsill huwa stabbilit bl-ATT XX tal-2011(CAP. 515);
  • Tara li jkun hemm kontinwazzjoni u implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta;
  • Tassisti lis-Segetarju tal-Kunsill fit-tfassil u l-loġistika tal-laqgħat annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu barra minn Malta li jsiru f’Malta, kif ukoll ta’ laqgħat oħra li jistgħu isiru minn żmien għal żmien b’mod awdjo-viżiv;
  • Tassisti fil-ħidma biex issir il-Konvenzjoni tal-Maltin li jgħixu Barra minn  Malta;
  • Iżżomm reġistru ta’ Għaqdiet mhux governattivi u Assoċjazzjonijiet tal-Maltin li Jgħixu Barra;
  • Iżomm registru tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta u li għamlu suċċess fis-settur tagħhom.
  • Tħaddem u tippromwovi s-servizz ta’ reġistrazzjoni volontarja għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta magħrufa bħala ‘Notifika D’.

Is-sit elettroniku tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta: https://malteselivingabroad.gov.mt/mt/

 

Quality Award

FacebookTwitter