Fit-13-15 ta’ Marzu 2023, is-Sur Christopher Cutajar, Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, żar l-Eġittu fejn kellu għadd ta’ laqgħat ta’ natura politika, kummerċjali w kulturali ma’ partijiet interessati Eġizzjani.

13-15 Marzu 2023 (Kajr)

Fit-13 ta’ Marzu, is-Sur Cutajar kellu l-konsultazzjonijiet politiċi flimkien mal-kontroparti tiegħu, l-E.T. is-Sur Ihab Nasr, Assistent Ministru għall-Affarijiet Barranin, Affarijiet Ewropej, fi-ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Eġizzjan. Dawn it-taħditiet, li fl-2020 tħassru minħabba l-pandemija tal-COVID19, iffukaw fuq ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi (politiċi, kummerċjali w kulturali), relazzjonijiet bejn l-Eġittu w l-UE, l-isfidi marbuta mal-immigrazzjoni illegali, it-tibdil tal-klima, kif ukoll kwistjonijiet reġjonali fil-Mediterran, li nkludew ukoll il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani u s-sitwazzjoni fis-Sirja u l-Libja. Fuq l-aġenda kien hemm ukoll il-gwerra fl-Ukrajna u l-Grand Ethiopian Renaissance Dam.

Fl-14 ta’ Marzu, is-Sur Cutajar kellu għadd ta’ laqgħat ma’ uffiċjali mill-Ministeru tal-Koperazzjoni Internazzjonali, il-Lega tal-Istati Għarab u s-Senat Eġizzjan. Flimkien mas-Sa. Mira Ghali, l-Assistent Ministru għal-Koperazzjoni Internazzjonali għall-Affarijiet Bilaterali UE, is-Segretarju Permanenti iddiskuta il-qagħda tal-koperazzjoni bejn Malta w l-Eġittu f’diversi oqsma bl-għan li jiġu finalizzati għadd ta’ ftehim li għandhom jiġu ffirmati fil-futur qrib, kif ukoll esplora il-potenzjal ta’ koperazzjoni ulterjuri li tista’ tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ pajjiżi.

Flimkien mal-E.T. is-Sur Khaled Manzalawi, Assistent Segretarju Ġenerali u Kap tal-Affarijiet Politiċi fi ħdan il-Lega tal-Istati Għarab, is-Sur Cutajar kellu taħditiet fuq kwistjonijiet tal-Mediterran u kif dawn jolqtu lill-membri tal-Lega Għarbija. Iddiskuta wkoll l-aħħar żviluppi marbuta mal-Uffiċċju ta’ Kollegament bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab li nfetaħ f’Malta fl-14 ta’ Ottubru 2009.

Fl-aħħar nett, is-Sur Cutajar kellu laqgħa ferm kostruttiva mas-Sur Hazem Omar, il-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Għarab u Afrikani fi ħdan is-Senat Eġizzjan, l-ogħla kamra tar-rappreżentanti fil-pajjiż. It-taħditiet iffukaw fuq oqsma ta’ interess komuni għal Malta w l-Eġittu, b’enfasi fuq ir-reġjun tal-Mediterran, il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tagħha, kif ukoll il-gwerra fl-Ukrajna u l-konsegwenzi tagħha għal Malta w l-Eġittu.

15 ta’ Marzu (Lixandra)

Għat-tieni parti ta’ din iż-żjara, is-Sur Cutajar ivvjaġġa lejn Lixandra fejn kellu għadd ta’ laqgħat ta’ natura kummerċjali w kulturali.

Is-Sur Cutajar kellu taħditiet mas-Sur Ahmed El Wakil, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Eġizzjana ġewwa Lixandra fejn kienu preżenti wkoll bosta membri tal-Bord. Waqt din il-laqgħa – li seħħet bl-għajnuna tal-Eng. Samir El Alaily, Konslu Onorarju, Konsolat Onorarju ta’ Malta (Lixandra) – is-Segretarju Permanenti ppreżenta lill-membri tal-Bord għadd ta’ opportunitajiet li Malta tista’ toffri lill-komunità kummerċjali Eġizzjana kif ukoll wieġeb mistoqsijiet mill-Bord dwar l-ekonomija Maltija. Din il-laqgħa se tkun segwita b’attività fil-Kajr u Lixandra li se tkun organizzata mill-Ambaxxata bl-għajnuna ta’ partijiet interessati Maltin, bl-għan li twettaq dak li ġie diskuss bejn is-Segretarju Permanenti u l-Bord tal-Membri tal-Kamra tal-Kummerċ Eġizzjani f’Lixandra.

Wara din il-laqgħa, is-Sur Cutajar kompla bi żjarat gwidati taċ-ċimiterju Latin f’Shatby u l-Katidral ta’ Santa Katerina. Is-Segretarju Permanenti l-ewwel żar l-oqbra ta’ membri tad-dijaspora Maltija midfuna fiċ-ċimiterju Latin. Imbagħad segwiet żjara fil-Katidral ta’ Santa Katerina, li huwa katidral Kattoliku Latin tal-Franġiskani fl-Eġittu fejn jinsab midfun Vittorju Emanwele III, ir-Re tal-Italja sal-1947. Ta’ min jinnota wkoll li f’dan il-katidral jinsabu arkivji ta’ rekords ta’ magħmudiji, żwiġijiet, Griżmi u mwiet tad-dijaspora Maltija li kienet residenti f’Lixandra.

Fl-aħħar nett, is-Sur Cutajar żar il-Bibliotheca Alexandrina, fejn l-ewwel iltaqa’ mal-Prof. Ahmed Zayed, id-Direttur tal-librerija, li spjegalu fil-qosor l-istorja tal-librerija kif ukoll il-faċilitajiet li toffri. Din il-laqgħa kienet segwita bi żjara gwidata tal-librerija bl-għajnuna tas-Sur Sherif Riad, il-Kap tal-Qasam tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fil-librerija, li kien strumentali wkoll fl-organizzazzjoni ta’ taħdita pubblika mid-Dott. Michael Refalo, nutar u awtur tal-ktieb Among Others, The Maltese in Egypt: Life, Crime and Death (1860s-1923).

Waqt din it-taħdita pubblika, imsejħa Egypt: A Home Away from Home for the Maltese, Dott. Refalo qasam mal-udjenza għadd ta’ episodji marbuta mal-Maltin residenti fl-Eġittu. Wara t-taħdita kien hemm sessjoni ta’ Q&A u riċeviment. Fost l-udjenza attendew attachés militari, Konsli Onorarji, akkademiċi kif ukoll membri tad-dijaspora Maltija f’Lixandra.

Matul din iż-żjara, is-Sur Cutajar kien akkumpanjat mill-E.T. is-Sur Roberto Pace, Ambaxxatur, Ambaxxata ta’ Malta (Eġittu), is-Sa. Lina Al Nafouri, Viċi Kap tal-Missjoni u Konslu, Ambaxxata ta’ Malta (Eġittu), is-Sur Ryan Sciberras, Koordinatur tal-Politika, Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.

L-Ambaxxata, f’isem is-Segretarju Permanenti, tiżżi ħajr għall-għajnuna imprezzabbli matul iż-żjara f’Lixandra lill-Enġ. Samir El Alaily, Konslu Onorarju, Konsolat Onorarju ta’ Malta (Lixandra), is-Sa Micheline Hatab, PA tal-Ambaxxatur, Ambaxxata ta’ Malta (Eġittu), is-Sa Dahlia Magdy, Maniġer, Konsolat Onorarju ta’ Malta (Lixandra) u lis-Sur Nadim Kanawati, Direttur tar-Relazzjonijiet Pubbliċi għall-Franġiskani fl-Eġittu u l-Knisja Kattolika f’Lixandra kif ukoll membru tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra Minn Malta.​

FacebookTwitter