Is-27 ta’ Ġunju 2021, il-Konsulat ta’ Malta f’Alġier ipparteċipa għall-ewwel darba fil-Festival Ewropew li jinsab fil-21 edizzjoni tiegħu ġewwa t-Teatru Nazzjonali ta’ Alġier. Il-festival, organiżżat mid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Alġerija, tradizzjonalment jiġbor flimkien talenti mużikali mill-Ewropa biex ikantaw fl-Alġerija. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, minħabba r-restrizzjonijiet preżenti fuq l-ivvjaġġar, l-istati membri tal-Unjoni Ewropea assenjaw lilhom infushom artisti Alġerini li daqqew parti mir-repertorju tagħhom u kanzunetta mill-pajjiż li huma jirrappreżentaw.

 F’din l-okkażjoni l-Konsulat ta’ Malta ġie assenjat il-ġrupp mużikali IWAL, grupp enerġetiku u mimli talent li jkanta mużika ispirata mill-popolazzjonijiet indiġeni Amażig mil-Lvant tal-Alġerija. Barra l-mużika mir-repertorju tagħhom, IWAL eżegwixxa wkoll il-kanzunetta “Lament” ta’ Frans Baldacchino ‘il-Budaj’ bl-għajnuna ġentili u professjonali tas-Sur Andrew Alamango.

 Il-parteċipazzjoni Maltija ġiet imsebbħa wkoll bil-parteċipazzjoni tal-kantant is-Sur Fayçal Belattar li ta monologu qasir dwar l-istorja u l-kultura ta’ Malta u rreċita l-‘Cantilena’ ta’ Pietro Caxaro – l-eqdem poeżija miktuba bil-Malti – waqt li daqq il-Kora, strument tradizzjonali tal-korda tal-Afrika tal-Punent. Fil-bidu tal-avveniment, il-Konslu s-Sur Ivan Vassallo għamel diskors qasir fejn radd ħajr lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għal din l-inizjattiva kulturali f’dan iż-żmien hekk mwiegħer għall-qasam kulturali kif ukoll lill-artisti. Hu saħaq kif Malta tistinka biex tkattar il-kooperazzjoni u l-fraternità fost il-ġnus tal-Mediterran anka billi tkun pont kulturali bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq.

FacebookTwitter