Is-Sa. Francesca Cassar, Koordinattriċi fuq l-Ekonomija u l-Iżvilupp fil-Missjoni Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda, ġiet eletta b’akklamazzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda biex isservi bħala Rapporteur tat-Tieni Kumitat (Kumitat tal-Ekonomija u l-Finanzi) għas-77 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.

In-nominazzjoni tas-Sa. Cassar kienet ippreżentata u approvata mill-Grupp Reġjonali tal-Ewropa tal-Punent u Oħrajn fix-xhur li wasslu għall-elezzjoni. Bħala Rapporteur tat-Tieni Kumitat, is-Sa. Cassar se tkun qed tieħu ħsieb tipprepara u tippreżenta r-rapport finali tal-Kumitat quddiem l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Is-Sa. Cassar se tkun parti minn Bureau immexxi mill-E.T. Lachezara Stoeva, ir-Rappreżentanta Permanenti tal-Bulgarija għan-Nazzjonijiet Magħquda.

It-Tieni Kumitat jieħu ħsieb kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku, u jiltaqa’ kull sena fil-bidu ta’ Ottubru u jtemm il-parti l-kbira tax-xogħol tiegħu f’Diċembru. Il-ħidma ta’ dan il-kumitat hija kruċjali għall-Aġenda tal-2030 fuq l-Iżvilupp Sostenibbli. It-Tieni Kumitat huwa kontinwament impenjat bi kwistjonijiet ta’ tħassib globali rilevanti u komuni hekk kif jittratta kwistjonijiet fuq l-eradikazzjoni tal-faqar, il-finanzjament għall-iżvilupp, it-tibdil fil-klima, il-globalizzazzjoni, is-sigurtà tal-ikel u sħubiji globali.

Is-sena l-oħra, l-E.T. Vanessa Frazier, Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda, serviet bħala l-President tal-istess Kumitat għas-76 Sessjoni fejn b’suċċess mexxiet il-193 Membri Stati tan-Nazzjonijiet Magħquda biex jiddeċiedu 37 risoluzzjoni relatati mal-Iżvilupp Sostenibbli. Is-Sa. Cassar assistiet l-E.T. Frazier waqt il-mandat tagħha bħala President.

Malta tibqa’ sostenitur qawwi tal-Iżvilupp Sostenibbli u l-Multilateraliżmu, bin-Nazzjonijiet Magħquda fil-qalb ta’ din il-ħidma.

FacebookTwitter