Bejn it-22 u l-24 ta’ April, l-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Awstrija, Natasha Meli Daudey, kienet fuq żjara uffiċjali fl-provinċja tat- Tirol ġewwa l-Awstrija.

Il-programm tal-Ambaxxatriċi beda bl-Edelweiss Gala Concert, kunċert ta’ mużika militari, fuq stedina uffiċjali minn Anton Mattle, Gvernatur tat-Tirol, u fil-preżenza tal-Ministru tad-Difiża Awstrijak Klaudia Tanner.

L-Ambaxxatriċi kellha l-opportunità li titkellem mal-Ministru Tanner qabel il-kunċert, fejn iddiskutew kwistjonijiet bħan-newtralità taż-żewġ pajjiżi, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ difiża, kif ukoll iż-żjara tagħha f’Malta f’Ġunju 2023.

Iż-żjara uffiċjali kienet tinkludi laqgħat ma’ Anton Mattle, il-Gvernatur tat-Tirol, Georg Willi, Sindku ta’ Innsbruck, Sonja Ledl-Rossmann, President tal-Parlament tat-Tirol, u Cornelia Hagele, Kunsilliera Provinċjali għax-Xjenza, Edukazzjoni u Saħħa. Waqt dawn il-laqgħat ġew diskussi it-turiżmu, is-sostenibbiltà, l-enerġija, l-ugwaljanza, kif ukoll l-arti u l-kultura.

Iż-żjara tal-Ambaxxatriċi Meli Daudey ikkonkludiet b’laqgħa ma’ rappreżentanti tal-ADSI (Austrian Drug Testing Institute) u Bionorica Research, fejn iż-żewġ entitajiet kellhom il-possibbiltà li jippreżentaw xogħolhom, u jiddiskutu kooperazzjoni bejn iż-żewg pajjiżi fejn tidħol ir-riċerka. L-Ambaxxatrici Meli Daudey ġiet milqugħa ukoll minn Dr Fischler, president tal-bord ADSI, u eks Kummissarju tal-UE għall-Agrikoltura, Żvilupp Rurali u Sajd, kif ukoll minn Prof Bonn, Direttur Maniġerjali u ko-fundatur tal-ADSI.

Matul iż-żjara tagħha, l-Ambaxxatrici kienet akkumpanjata mis-Sur Jakob Grüner, li ġentilment organizza din iż-żjara.

FacebookTwitter