Nhar l-Erbgħa 23 ta’ Ġunju 2021, il-Professur André Xuereb, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Affarijiet Diġitali, kien fost numru żgħir ta’ kelliema li ndirizzaw laqgħa ta’ livell għoli li kienet organiżżata mill-Ambaxxata tar-Rumanija għal Malta b’sede f’Ruma bit-tema Cyber, the New Frontier of Security: the European Union Approach. Personalitajiet oħra mir-Rumanija, l-Italja u n-NATO tkellu ukoll waqt il-laqgħa.
L-intervent tal-Prof Xuereb kien jittratta Strengthening Public-Private-Academia Partnership for Cyber Security. Hu spjega dwar kif il-pandemija Covid-19 għenet lit-teknoloġija diġitali tidħol f’kull rokna ta’ ħajjitna mil-lejl għan-nhar. Dan il-bidla mgħaġġla għandha d-diffikultajiet tagħha, imma jibqa’ il-fatt li t-teknoloġija diġitali hija mezz ewlieni biex il-bniedem u l-ekonomiji tal-pajjiżi jibqgħu mexjin u ma jegħrqux kawża ta’ sfidi kbar bħal fil-każ tal-pandemija.
Fl-istess waqt, il-qalba mgħaġġla għad-diġitali qegħda turina kemm hu essenzajli li l-ekosistema diġitali tkun protetta minn organizzazzjonijiet kriminali jew terroristiċi li, kif isibu l-opportunita, kapaċi jeqirdu infrastrutturi importanti għall-pajjiż, joħolqu kaos fis-setturi kummerċjali u finanzjarji, jew jimmanipolaw l-opinjonijiet politiċi.
Il-Prof Xuereb kompla jispjega li l-akkademiċi, flimkien mas-settur pubbliku huma s-sisien tas-settur diġitali u innovazzjoni; kif l-isfidi soċjali ta’ żminijietna huma kbar u jmorru lil hemm mill-konfini tal- pajjiż u li, għaldaqstant, is-soluzzjonijiet għalihom jeħtieġu kollaborazzjoni internazzjonali kif ukoll is-settur privat. F’dan il-kuntest, Malta permezz tal-Università qegħda taħdem ma’ pajjiżi u aġenziji oħrajn biex ikun żviluppat sistema ta’ komunikazzjoni sikura li tippermetti li l-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-UE jkunu jistgħu jaħdmu b’mod aħjar u f’ambjent sikur.